276. Riflessjoni fuq Ġwanni 20: 1-2, 11-18

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Ġwanni 20: 1-2, 11-18

I Have Seen The Lord

L-Evanġelju skont San Ġwann 20: 1-2, 11-18

[Ġw:20:1] Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, fil-għodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar.

[Ġw:20:2] Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu l-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!”

[Ġw:20:11] Iżda Marija baqgħet ‘il barra mill-qabar, tibki. Kif kienet qiegħda tibki, tbaxxiet lejn il-qabar,

[Ġw:20:12] u rat żewġ anġli lebsin l-abjad, bilqiegħda, wieħed in-naħa tar-ras u l-ieħor in-naħa tar-riġlejn fejn kienu qiegħdu l-ġisem ta’ Ġesù.

[Ġw:20:13] Huma qalulha: “Mara, għalfejn qiegħda tibki?” Hi wieġbet: “Għax ħadu lil Sidi, u ma nafux fejn qegħduh.”

[Ġw:20:14] Kif qalet hekk, daret lura u rat lil Ġesù wieqaf, iżda ma ntebħitx li kien Ġesù.

[Ġw:20:15] Ġesù qalilha: “Mara, għalfejn qiegħda tibki? Lil min qiegħda tfittex?” Hi ħasbet li kien il-ġardinar, u qaltlu: “Sinjur, jekk ħadtu int minn hawn, għidli fejn qegħedtu, u jiena nġibu lura.”

[Ġw:20:16] Ġesù sejjħilha: “Marjam!” Hi daret u qaltlu bil-Lhudi: ‘Rabbuni!’ jiġifieri Mgħallem.

[Ġw:20:17] Ġesù qalilha: “La tmissnix, għax għadni ma tlajtx għand il-Missier; imma mur għand ħuti u għidilhom li se nitla’ għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom.”

[Ġw:20:18] Marija ta’ Magdala marret għand id-dixxipli u tathom l-aħbar: “Rajt lill-Mulej”, u qaltilhom x’qalilha.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Kemm hu faċli li nitilfu lill-Mulej meta inkunu qed niffukaw fuqna nnfusna?

Għal bidu Marija ta’ Magdala lill-Mulej ma għarfitux għax kienet qed tiffokka fuq il-qabar vojt u fuq il-qalb imnikkta tagħha. Kien b’kelma waħda biss mingħand l-Imgħallem meta għajtilha b’isimha li Marija għarfitu.

Il-messaġġ ta’ Marija lid-dixxipli ‘Rajt lill-Mulej’ huwa l-qalba tal-Kristjaneżmu. Mhux biżżejjed lin-Nisrani jkun jaf dwar il-Mulej imma hemm bżonn li jkun jaf lilu personalment. Mhux biżżejjed li nargumentaw dwaru, imma hemm bżonn li niltaqgħu miegħu.

Ħsieb għal Qalbek …

Fl-esperjenza tal-qawmien mill-mewt ta’ Ġesu’, aħna niltaqgħu m’Alla l-Ħaj li jħobbna bi mħabba personali u jrid jaqsam magħna l-glorja tiegħu. Il-Mulej jagħtina għajnejn tal-fidi biex naraw il-verita’ tal-qawmien u tar-rebħa tiegħu fuq id-dnub u l-mewt. Dan insibuh fl-ittra lil Efesin kapitlu 1 vers 18.

Inti tagħraf il-preżenza tal-Mulej miegħek fl-Ewkaristija u fil-Knisja tiegħu li hi l-istess Ġisem mistiku tiegħu?

Itlob …

Mulej agħmel li qatt ma nonqos milli nagħraf il-vuċi tiegħek li tkellimni fis-skiet ta’ qalbi waqt mumenti ta’ talb u li qatt ma nonqos milli noqgħod f’riġlejk fl-Ewkaristija biex nirċeviek u nadurak bħala Alla l-Ħaj. Alla li salvajtni, Alla li tafni li tgħajjatli b’ismi u li tħobbni bi mħabba personali. Ammen.