275. Riflessjoni fuq Ġwanni 19: 25-27

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Ġwanni 19: 25-27

stdas0748

L-Evanġelju skont San Ġwann 19: 25-27

[Ġw:19:25] Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala.

[Ġw:19:26] Malli Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hawn hu ibnek.”

[Ġw:19:27] Mbagħad qal lid-dixxiplu: “Hawn hi ommok.” U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Taħt is-salib ta’ Ġesu’ kien hemm erbgħa nisa fosthom Marija Ommu. Min jaf kemm dulur u wġigħ nifdilha qalbha hi u tara lil Binha mmut fuq s-salib f’dik il-ħruxija kollha. Xmun il-profeta kien ħabbrilha din is-soferenza kbira li kellha tistenna meta kienet tippreżenta lil Ġesu’ fit-Tempju. F’Luqa kapitlu 2 vers 35.

Ġesu’ Binha kien qed itemm il-pjan li l-Missier bgħattu jwettaq li jagħti ħajtu għalina ħa jsalvana, imma l-aħħar u mhux l-inqas don kbir li jagħtina Ġesu’ minn fuq is-salib hu d-don t’Ommu Marija. Fil-persuna ta’ Ġwanni hu jagħtina lil Marija biex tkun ommna lkoll. Hu li qalilna li jridna bħat-tfal ċkejknin ma setax jonqos li ma jagħtinix omm biex tieħu ħsiebna u twassalna dejjem iżjed biex bħala nwettqu r-rieda t’Alla bil-qdusija.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġib fil-menti tiegħek dan il-ħin lilek inifsek taħt is-salib minflok il-persuna ta’ Ġwanni. Ġesu’ mimli tjieba qed iħares lejk u b’referenza għal Marija jgħidlek: ‘Hawn hi Ommok.’

U inti x’se tagħmel?

Se tagħmel kif għamel id-dixxiplu li jirrapreżenta lil kull dixxiplu u tieħu lil Marija bħala Ommok?

Se tħalliha tkun Ommok u tieħu ħsieb tal-bżonnijiet tiegħek l-aktar dawk ta’ ruħek?

Se titlob flimkien magħha kif talbu l-appostli meta kienu qed jistennew l-inżul tal-Ispirtu s-Santu f’Pentekoste?

U jekk hi tassew Ommok se titlob it-talba tant għal qalbha li dejjem titlobna ngħidu li hi t-talba tar-Rużarju Mqaddes?

Itlob …

Għażiż Ġesu’ int ħabbejtna sal-aħħar sa ma’ tajtna kulma int u kulma kien tiegħek saħansitra ‘l Ommok stess. Agħtina l-kuraġġ biex aħna li aħna wlied din ‘l Omm inkunu tassew denji u grati lejk u lejn Marija li aċċettat li tkun ommna lkoll. Agħtini l-grazzja li neħtieġ biex nagħraf li fi żminijietna għandna bżonn ukoll inwieġbu għal karba ta’ din l-Omm li f’kull dehra tagħna dejjem tirrepeti l-istess messaġġ: ‘Għidu r-Rużarju! Għidu r-Rużarju! Għidu r-Rużarju!’ li jħott is-saltna tax-xitan fid-dinja u fil-ħajja tagħna. Agħmel li nasal insib ħin tajjeb biex ningħaqad ma’ din l-Omm tiegħi tas-sema bit-talba tar-Rużarju. Ammen.