269. Riflessjoni fuq Ġwanni 11: 45-56

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Ġwanni 11: 45-56

Conspiracy of the Jews (Conspiration des juifs)

L-Evanġelju skont San Ġwann 11: 45-56

[Ġw:11:45] Ħafna mil-Lhud, li kienu ġew għand Marija u raw dak li għamel Ġesù, emmnu fih.

[Ġw:11:46] Imma xi wħud minnhom marru għand il-Fariżej u qalulhom x’kien għamel Ġesù.

[Ġw:11:47] Għalhekk il-qassisin il-kbar u l-Fariżej laqqgħu s-Sinedriju u qalu: “X’sejrin nagħmlu? Għax dan il-bniedem qiegħed jagħmel ħafna sinjali.

[Ġw:11:48] Jekk inħalluh sejjer hekk, kulħadd jemmen fih, u jiġu r-Rumani, u jeqirdulna kemm it-tempju u kemm il-ġens tagħna.”

[Ġw:11:49] Imma wieħed minnhom, Kajfa, li kien il-qassis il-kbir dik is-sena, qalilhom: “Intom ma tafu xejn.

[Ġw:11:50] Anqas ma intom tqisu li jaqblilkom jekk imut bniedem wieħed għall-poplu u mhux jinqered il-ġens kollu.”

[Ġw:11:51] Issa dan ma qalux minn moħħu, imma billi dik is-sena inzerta kien il-qassis il-kbir, huwa kien imnebbaħ u ħabbar li Ġesù kellu jmut għall-ġens tiegħu,

[Ġw:11:52] u mhux għall-ġens tiegħu biss, imma wkoll biex jiġbor ġemgħa waħda l-ulied ta’ Alla li kienu mxerrdin.

[Ġw:11:53] Minn dak in-nhar ‘il quddiem bdew jiftiehmu bejniethom biex joqtluh.

[Ġw:11:54] Ġesù ma għaddiex aktar bid-dieher f’nofs il-Lhud, imma telaq minn hemm lejn il-kampanja qrib id-deżert, f’belt jisimha Efrajm, u qagħad hemmhekk mad-dixxipli tiegħu.

[Ġw:11:55] Kien wasal l-Għid tal-Lhud,u ħafna nies mill-kampanja telgħu Ġerusalemm qabel l-Għid għar-riti tal-purifikazzjoni.

[Ġw:11:56] Huma fittxew lil Ġesù, u bdew jgħidu bejniethom fit-tempju: “Intom x’taħsbu? Tgħid, jitla’ għall-festa?”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti tħalli l-biża’ u l-oppożizzjoni jżommuk lura milli tagħmel ir-rieda t’Alla?

Kien twemmin fil-Lhud li meta l-qassis il-Kbir jitlob parir mingħand Alla għall-ġid tan-nazzjon, Alla jitkellem permezz tiegħu. X’ironija drammatika li Kajfa pprofetizza li Ġesu’ jrid imut għan-nazzjon tiegħu.

Ħsieb għal Qalbek …

Il-profeta Eżekjel ħabbar li Alla kien se jwaqqaf poplu wieħed, art waħda, prinċep wieħed u Santwarju wieħed għal dejjem. Dan insibuh fil-kapitlu 37 versi minn 26 sa 28. Luqa jżid mall-profezija ta’ Kajfa li Ġesu’ kien se jiġbor ‘l ulied t’Alla li kienu mxerrda.

Ġesu’ ġie biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra, imma dan kien se jagħmlu bi pjan maħsub sewwa skont ir-rieda tal-Missier. Hu kien jaf li kien se jasal il-waqt meta xejn ma kien se jżommu milli jitla’ b’rieda soda Ġerusalemm biex hemm iwassal fit-tmiem il-missjoni tal-fidwa li fdalu l-Missier.

Itlob …

Mulej agħmel li aħna d-dixxipli tiegħek inkunu dejjem lesti nagħtu ħajjitna biex inwettqu r-rieda tiegħek.

Marija Ommna kun int li tqawwina biex bla biża’ nkunu lesti ngħaddu b’rieda sħiħa mis-sofferenza u mmutu għal Alla ħalli nkunu nistgħu mbagħad naqsmu miegħu fir-rebħa u fil-glorja. Ammen.