267. Riflessjoni fuq Ġwanni 10: 27-30

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Ġwanni 10: 27-30

DgxV20IUcAAsrwy

L-Evanġelju skont San Ġwann 10: 27-30

[Ġw:10:27] Fdak iż-żmien, Ġesu qal: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.

 [Ġw:10:28] U jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem; u huma ma jintilfu qatt, u minn idejja ma jaħtafhomli ħadd.

[Ġw:10:29] Missieri, li tahomli, hu akbar minn kulħadd, u ħadd ma jista’ jaħtafhom minn id il-Missier.

[Ġw:10:30] Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’jgħidilna l-mudell tar-Ragħaj dwar il-mod kif Alla jieħu ħsiebna?

Ix-xogħol tar-ragħaj kien wieħed mill-eqdem xogħolijiet li wieħed seta’ jkollu f’Iżrael anki qabel dak tal-bdiewa, minħabba li l-poplu magħżul kien dejjem jivvjaġġa minn post għall-ieħor, jgħix fit-tined u jmexxi l-merħliet minn mergħa għall-oħra. Li wieħed jieħu ħsieb in-nagħaġ ma kienx xogħol faċli hemm bżonn li tkun taf tajjeb x’għandek tagħmel u tkun kuraġġuż.

Il-merħliet kienu kbar eluf u anki għaxriet t’eluf ta nagħaġ. Kienu jqattgħu l-parti l-kbira tas-sena fil-beraħ. Biex tindukrahom kien meħtieġ ħafna attenzjoni u kura. Nagħaġ li kienu joħorġu ‘l barra mill-merħla kellhom jiġu mfittxija biex jinġabru lura mir-ragħaj.

Peress li l-klieb salvaġġi, ‘l ilpup u anke l-ors kienu komuni u jieklu n-nagħaġ, ir-rgħajja ħafna drabi kellhom jissieltu ma’ dawn il-bhejjem feroċi u perikolużi. Ir-ragħaj kellu letteralment ipoġġi l-ħajja tiegħu fil-periklu biex jiddefendi lin-nagħaġ. Ir-rgħajja kienu jbiddlu lil xulxin billejl biex dejjem ikun hemm xi ħadd għassa jipproteġi n-nagħaġ minn min seta’ jattakkhom. In-nagħaġ u r-rgħajja tagħhom kienu jgħixu kontinwament flimkien. Il-ħajja tagħhom kienet tant magħquda b’mod intimu li n-nagħaġ individwali, anke jekk jitħallat ma’ merħliet oħra seta’ jagħraf il-vuċi tar-ragħaj tiegħu u jmur ħdejh meta dan issejjaħlu b’ismu.

It-Testment il-Qadim jitkellem spiss fuq Alla bħala r-Ragħaj tal-poplu t’Iżrael. F’salm 23 vers 1 insibu: ‘Il-Mulej hu r-Ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.’ U f’salm 80 vers 1 insibu: ‘O Ragħaj t’Iżrael agħti widen, Int li tmexxi bħal merħla lil Ġużeppi.’ F’salm 100 vers 3 insibu: ‘Aħna l-poplu tal-Mulej u n-nagħaġ tal-merħla tiegħu.’ Il-Messija jidher ukoll bħala r-Ragħaj tal-poplu t’Alla. F’Iżaija kapitlu 40 Vers 11 insibu: ‘Bħal Ragħaj li jitma’ l-merħla tiegħu, fi driegħu jerfagħhom.’

Ġesu’ qal lid-dixxipli tiegħu li hu kien r-Ragħaj it-Tajjeb li kien lest li jħalli ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Dan insibuh f’Mattew kapitlu 18 Vers 12, f’Luqa kapitlu 15 vers 4 u fi Ġwanni kapitlu 10.

Ħsieb għal Qalbek …

Meta ra l-folla tan-nies fil-bżonn tal-protezzjoni u l-kura. Ġesu’ ħassu mqanqal biex iwieġeb għal dan il-bżonn tagħhom b’attenzjoni kollha mħabba u ħniena. Imħabbtu kienet imħabba personali għal kull persuna li kienet tirrikorri għandu fil-bżonnijiet tagħha. Pietru l-Appostlu sejjaħ lil Ġesu’ bħala r-Ragħaj u l-għassies ta’ ruħna, fl-ewwel ittra tiegħu kapitlu 2 vers 25.

Inti qatt doqt il-paċi u s-sigurta’ ta’ ħajja taħt il-ħarsien ta’ Ġesu’, ir-Ragħaj it-Tajjeb?

Fil-persuna ta’ Ġesu’ naraw il-mod kif Alla jħarisna u jieħu ħsiebna, b’viġilanza, bil-paċenzja, bi mħabba u b’għożża kbira. Fil-battalja tagħna kontra d-dnub u l-ħażen Ġesu’ huwa dejjem lest li joffri l-għajnuna, l-qawwa u r-refuġju tiegħu.

Inti dejjem tafda fil-grazzja u l-għajnuna tiegħu?

Itlob …

Mulej, Int tħarisna u tipproteġina minn kull ħażen għenna nintrabtu dejjem iżjed mal-Kelma tiegħek u nafdaw fil-għajnuna tiegħek f’kull ċirkustanza li ngħaddu minna, agħmel li dejjem insib il-mistrieħ u l-ħarsien fil-preżenza tiegħek. Ammen.