264. Riflessjoni fuq Ġwanni 8: 1-11

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Ġwanni 8: 1-11

013b376d7c3f191b07d860eb966d08d6

L-Evanġelju skont San Ġwann 8: 1-11

[Ġw:8:1] Ġesù telaq lejn l-Għolja taż-Żebbuġ.

[Ġw:8:2] Imma l-għada qabel is-sebħ raġa’ mar fit-tempju, u l-poplu kollu ġie ħdejh, u hu qagħad bilqiegħda jgħallimhom.

[Ġw:8:3] Mbagħad il-kittieba u l-Fariżej ħadulu quddiemu waħda mara li kienet inqabdet fl-adulterju. Huma qegħduha fin-nofs

[Ġw:8:4] u qalulu: “Mgħallem, din il-mara nqabdet fil-fatt fl-adulterju.

[Ġw:8:5] Issa fil-Liġi tagħna Mosè ordnalna biex nisa bħal dawn inħaġġruhom. Int, imma, xi tgħid?”

[Ġw:8:6] Dan qaluhulu biex iġarrbuh, ħalli jkollhom fuqiex jixluh. Imma Ġesù tbaxxa lejn l-art u beda jikteb b’sebgħu fit-trab.

[Ġw:8:7] Billi dawk baqgħu jistaqsuh, qam dritt u qalilhom: “Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla.”

[Ġw:8:8] U raġa’ tbaxxa jikteb fit-trab.

[Ġw:8:9] Kif semgħuh jgħid dan, qabdu u telqu wieħed wara l-ieħor, ibda mix-xjuħ, u Ġesù baqa’ waħdu mal-mara, wieqfa fin-nofs.

[Ġw:8:10] Qam dritt u qalilha: “Dawk fejnhom, mara? Ħadd minnhom ma kkundannak?”

[Ġw:8:11] “Ħadd, Sinjur,” qaltlu.”Mela anqas jien ma nikkundannak,” qalilha Ġesù. “Mur, u mil-llum ‘il quddiem tidnibx iżjed.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Int taf u esperjenzajt il-ferħ u l-liberta’ tal-indiema?

Il-grazzja ta’ Ġesu’ għandha l-qawwa tibdel il-ħajja tagħna u teħlisna mix-xewqat u l-passjonijiet ħżiena. Il-fatt li Ġesu’ kien jassoċja lilu nnifsu mall-midinbin kienet tirritahom lill-mexxejja reliġjużi. Huma kkonfrontawh dwar il-kustjoni tal-adulterju. Il-liġi Lhudija kienet titratta l-adulterju bħala kriminalita’ serja la darba kienet tikser l-ordni t’Alla u toħloq instabbilita’ fiż-żwieġ u fil-ħajja tal-familja. Kien wieħed mill-akbar dnubiet gravi kkastigati bil-mewt. Dan l-inċident jgħidilna dwar l-attitudni ta’ Ġesu’ lejn il-midneb. L-Iskribi u l-Fariżej riedu jaqbdu lil Ġesu’ f’nassa bl-awtoritajiet reliġjużi u ċivili. Kien għalhekk li ġabu mara li nqabdet fl-adulterju quddiem Ġesu’. Ġesu’ dawwar l-isfida tiegħu lejn l-akkużaturi fil-fatt qal: ‘Tistgħu tħaġġruha, imma l-ewwel persuna li tista’ tibda tagħmel dan hi dik li ma għandha ebda dnub.’ Il-Mulej iħalli l-affari f’idejn il-kuxjenza tagħhom.

Ħsieb għal Qalbek …

Meta l-mara adultera tħalliet waħedha ma’ Ġesu’ hu esprima magħha kemm ħniena kif ukoll tħeġġiġ qawwi biex ma terġax taqa’ fid-dnub. L-iskribi xtaqu jikkundannaw Ġesu’ xtaq li jaħfer u jġedded lill-midneb bil-fejqan meħtieġ. Din l-isfida kienet tinvolvi għażla jew tmur lura għall-ħajja ta’ qabel ta’ dnub u l-mewt jew li tilqa’ l-ħajja l-ġdida u l-ferħ veru li jiġi mill-għaqda tagħha m’Alla.

Ġesu’ ta l-maħfra u l-bidu ta’ ħajja ġdida fih. Il-grazzja t’Alla tagħtina l-qawwa biex nikkonfrontaw id-dnub tagħna għal dak li hu, infedelta’ lejn Alla u nduru lura lejn Alla b’qalb niedma u bi spirtu ta’ ringrazzjament għall-ħniena u l-maħfra tiegħu.

U inti għaraft il-ferħ tal-indiema u ta’ kuxjenza safja?

Itlob …

O Alla Missierna, insibuha diffiċli biex niġu għandek għaliex it-tagħrif tagħna tiegħek hu imperfett. Fl-injoranza tagħna, aħna mmaġinajniek għadu għalina  u konna fl-iżball meta ħsibna li inti tieħu gost tikkastigana minħabba dnubietna u fil-bluha tagħna rajniek bħala tirann fuq il-ħajja umana, imma meta Ġesu’ ġie fostna hu wriena li inti mimli mħabba u li tinsab fuq in-naħa tagħna u kontra kull ħaġa li tista’ ttellef il-ħajja sabiħa li int toffrilna.

Ħelwa Marija, flimkien miegħek bħala ommna nersqu niedma nitolbu maħfra lil Alla għall-injoranza li kellna fil-passat u npoġġu quddiemek ix-xewqa li nsiru nafu dejjem iżjed lilek u lil Ibnek ħalli nesperjenzaw l-imħabba t’Alla li taħfrilna permezz ta’ Ġesu’ l-Mulej u s-Salvatur tagħna. Ammen.