262. Riflessjoni fuq Ġwanni 6: 60-69

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Ġwanni 6: 60-69

christ-teaching-foolish-rich-man-parable-1401835-print

L-Evanġelju skont San Ġwann 6: 60-69

[Ġw:6:60] Fdak iż-żmien, Ġesù tkellem fuq il-ħobż tal-ħajja. Ħafna dixxipli tiegħu, meta semgħuh, qalu: “Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu?”

[Ġw:6:61] Ġesù ntebaħ waħdu li d-dixxipli tiegħu kienu qegħdin igergru fuq hekk, u qalilhom: “Dan il-kliem qiegħed ifixkilkom?

[Ġw:6:62] Mela xi tgħidu kieku kellkom taraw lil Bin il-bniedem tiela’ fejn kien qabel?

[Ġw:6:63] Hu l-ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għal xejn. Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja.

[Ġw:6:64] Iżda hemm xi wħud fostkom li ma jemmnux.” Għaliex Ġesù kien jaf sa mill-bidu min kienu dawk li ma emmnux u min kien dak li kellu jittradih.

[Ġw:6:65] U ssokta jgħidilhom: “Kien għalhekk li jiena għedtilkom li ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier ma jagħtihx li jiġi.”

[Ġw:6:66] Minn dak in-nhar bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh.

[Ġw:6:67] Mbagħad Ġesù qal lit-Tnax: “Tridux titilqu intom ukoll?”

[Ġw:6:68] Wieġbu Xmun Pietru: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem,

[Ġw:6:69] u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti titgerrex jew tissaħħaħ meta tisma’ l-kliem iebes ta’ Ġesu’?

Ħafna kienu attratti għal Ġesu’ għax hu kien offrilhom xi ħaġa rreżistibbli l-imħabba kollha ħniena t’Alla mmanifestata permezz tal-mirakli b’mod speċjali dawk tal-fejqan, tal-eżorċiżmi u tat-tmiegħ tal-ħames t’elef ruħ. Minkejja dawn is-sinjali ħafna tfixklu meta Ġesu’ jagħmel stqarrijiet Divini. Id-diskors ta’ Ġesu’ tieklu l-Ġisem u tixorbu d-Demm li kien qed jirreferi għall-Ewkaristija wassal lil ħafna mid-dixxipli joffendu rwieħhom. Ġesu’ stqarr li hu l-vera ħajja t’Alla li niżel mis-sema u li bih aħna rridu nitgħajjxu u naslu għall-ħajja eterna. Anke l-appostli ammettew li dan il-kliem kien iebes. Din l-espressjoni ‘kien iebes’ kienet tfisser li ma kienx biss tqil biex tifhmu, imma wkoll tqil biex taċċettah. Ġesu’ kompla jsostni l-istess ħaġa għax ried jgħaddi lid-dixxipli tiegħu minn prova biex jara fejn kienet tinsab il-fidi u l-lealta’ tagħhom lejh. Ġesu’ kien jaf x’hemm fil-qlub tan-nies u kien ukoll jaf min kien se jittradieh.

Ħsieb għal Qalbek …

Il-fidi tassew tfittex li tifhem u għalhekk Alla tana l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu biex idawwal l-għajnejn ta’ moħħna ħalli nifhmu l-verita’ u l-għerf li ġej mis-sema. L-istqarrija ta’ Pietru li turi l-lealta’ tiegħu hi bbażata fuq ir-relazzjoni li kellu ma’ Ġesu’. Permezz tad-don tal-fidi Pietru għaraf li Ġesu’ kien il-Messija, il-Qaddis t’Alla u emmen f’Kelmtu. Il-fidi hi t-tweġiba għar-rivelazzjoni t’Alla. Hi ċ-ċavetta biex naraw il-ħidma t’Alla madwarna u b’mod speċjali f’ħajjitna.

Inti temmen bħal Pietru li Ġesu’ jista’ jbiddel lil ħajtek għax hu għandu l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem?

Itlob lil Alla biex ikabbar fik id-don tal-fidi biex inti wkoll tikber fir-relazzjoni tiegħek miegħu u fl-għarfien tal-imħabba li hu għandu għalik.

Itlob …

Mulej Ġesu’ għenni nwarrab id-dubji u l-biżgħat li jżommuni ‘l bogħod milli nista’ ninfetaħ għall-Kelmtek b’fiduċja u bil-ferħ. Jiena nafdalek ħajti kun il-Mulej u saltan f’qalbi, fir-rieda tiegħi, fi ħsibijieti u fl-azzjonijiet kollha tiegħi.

Għażiża Marija Sinjura tas-Santissmu Sagrament, dawwali moħħi biex miegħek nagħti qima xierqa lill-preżenza rejali ta’ Ġesu’ fl-Ewkaristija bil-ħajja li ngħix u billi nirċivieh kif jixraq u ta’ spiss. Ammen.