261. Riflessjoni fuq Ġwanni 6: 51-58

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Ġwanni 6: 51-58

pan-de-vida1

L-Evanġelju skont San Ġwann 6: 51-58

[Ġw:6:51] F’dak iż-żmien, Ġesu qal lin-nies: “Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.”

[Ġw:6:52] Fuq hekk il-Lhud tlewwmu bejniethom, u bdew jgħidu: “Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?”

[Ġw:6:53] Ġesù mela qalilhom: “Tassew tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom.

[Ġw:6:54] Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajjmu mill-imwiet fl-aħħar jum.

[Ġw:6:55] Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb.

[Ġw:6:56] Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih.

[Ġw:6:57] Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija.

[Ġw:6:58] Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; m’huwiex bħal dak li kielu missirijietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Kif jista’ Ġesu’ jagħtina Ġismu u Demmu bħala l-ikel u xorb tagħna?

Umanament dan għalina huwa impossibli, imma la setgħa juri l-qawwa tiegħu biex jitma’ ħames t’elef ruħ b’ħames ħobżiet biss setgħa wkoll juża l-istess qawwa tiegħu biex ibiddel il-ħobż fil-Ġisem tiegħu biex jitma’ l-eluf spiritwalment sal-aħħar taż-żmien.

Jew meta Ġesu’ mexa fuq l-ilma wara li kien tema’ lill-ġemgħa dan ukoll kien sinjal bi preparazzjoni għall-wegħda tal-Ewkaristija. F’dan il-miraklu huwa wera li kellu qawwa sopranaturali fuq il-ġisem tiegħu stess. Qawwa li setgħa juża biex jagħmel lil ġismu rejalment preżenti taħt l-apparenza tal-ħobż. Fuq kollox aħna mitluba biex nemmnu u biex inpoġġu l-fiduċja tagħna f’Ġesu’, anke jekk ma nistgħux nifhmu bir-raġunament tal-moħħ ċkejken tagħna kif dan tassew iseħħ. Bħal Pietru u l-appostli li baqgħu ma’ Ġesu’ filwaqt li ħafna m’emmnuhx u telquh ngħidulu: ‘Mulej għand min nistgħu mmorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.’ Il-kliem t’Alla jmur aktar lil hinn mill-misteru tal-Ewkaristija. Fil-prattika tal-ħajja tagħna aħna xi kultant jew diversi drabi niġu mitluba biex inżommu sħaħ fil-fidi biex nilqgħu r-rieda t’Alla bil-qrusa u l-iebes tagħha, minkejja li xi kultant ftit li xejn nifhmu kif Alla jkun qed imexxi l-ħajja tagħna.

Il-bniedem jistaqsi: ‘Imma għaliex?’ Dan l-aktar li jiġri huwa meta wieħed jgħaddi minn sitwazzjoni ta’ kriżi u jħoss li biex ikompli jafda lil Alla jrid jagħmel dak li l-mistiċi jsejħulu qabża fid-dlam. Tista’ tkun xi mewt ta’ xi ħadd għażiż għalik li taħsdek, xi marda terminali, xi tbatija li kawżalek ħaddieħor eżempju dik tat-tfal li l-ġenituri tagħhom jiġġieldu jew li jkollhom jisseparaw.

Inti stess forsi għedt: ‘Għaliex ngħaddi minn kuntrarju u tiġrib, jien li nipprova ngħix sew?

Meta tasal f’mumenti iebsin u ta’ prova fejn tħossok qiegħed tegħreq, inti ma’ xiex tiggranfa?

Pietru minflok baqa’ jipprova jaqdef b’idejh it-tnejn reħa waħda ‘l fuq biex minnha Ġesu’ seta’ jżommu.

Inti tafda f’Alla jew tibqa’ tikkumbatti mal-mewġ tal-ħajja għal rasek?

Ħsieb għal Qalbek …

Irid ikollna fidi li twassalna nemmnu li kif qalilna San Pawl Alla ma’ dawk li jħobbuh kollox idawwar għall-ġid tagħhom. Dan insibuh fl-ittra lir-Rumani kapitlu 8 vers 28. L-istess bħat-tagħlima li toħroġ mill-istorja Passi fir-ramel.

Il-Mulej kien miexi ħdejn raġel fuq xatt il-baħar u kien hemm żewġ pari ta’ passi fir-ramel, imma tul il-mixja r-raġel innota li kien hemm biss par ta’ passi wieħed u qal: ‘Mulej għaliex meta tant kelli bżonnok jien ma sibtek imkien, kien hemm biss par wieħed ta’ passi?’ u Alla wieġeb: ‘Għaliex f’dak il-ħin jien erfajtek fi ħdani.’

Itlob …

Mulej Ġesu’, inti wrejtna li l-fidi hi fundamentali u li mingħajrha ma nistgħux nogħġbuk. Inti lil Tumas li għall-ewwel m’emminx għedtlu: ‘Imberkin huma dawk li ma jarawnix u jemmnu.’ Hemm kitba li tgħid: ‘Il-fidi mhux li temmen li Alla jista’ imma li Alla jwettaq dak li jgħid.’ Saħħaħ fija l-fidi li biha nifhem id-don kbir tiegħek fl-Ewkaristija. Għallimni triqatek Mulej biex f’mumenti ta’ kriżi jiena nimxi fuq l-eżempju ta’ Marija li l-fidi u l-fiduċja tagħha lejk uriethom tul il-ħajja kollha tagħha. Agħtini l-grazzja li l-fidi fil-ħajja tiegħi tkun l-esperjenza qawwija tal-imħabba tiegħek għalija u li nżomm lil Marija bħala dik li takkumpanjani fil-mixja tiegħi lejn dik il-qdusija li tixtieq tara fija. Grazzi Mulej. Ammen.