258. Riflessjoni fuq Ġwanni 6: 24-35

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Ġwanni 6: 24-35

biblestudy-John_6_24-35

L-Evanġelju skont San Ġwann 6: 24-35

[Ġw:6:24] Fdak iż-żmien, in-nies meta ntebħu li fuq id-dgħajsa la kien hemm Ġesù u lanqas id-dixxipli tiegħu, telgħu fuq id-dgħajjes u marru lejn Kafarnahum ifittxu lil Ġesù.

[Ġw:6:25] U meta sabuh in-naħa l-oħra tal-baħar staqsewh: “Rabbi, meta ġejt hawn?”

[Ġw:6:26] Ġesù weġibhom: “Tassew tassew ngħidilkom, intom qegħdin tfittxuni mhux għax rajtu sinjali, imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu.

[Ġw:6:27] Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, dak li Bin il-bniedem jagħtikom, għaliex lilu Alla l-Missier immarka bis-siġill tiegħu.”

[Ġw:6:28] Mbagħad staqsewh: “X’għandna nagħmlu biex nagħmlu l-opri ta’ Alla?”

[Ġw:6:29] Weġibhom Ġesù: “L-opra ta’ Alla hija din: li intom temmnu f’dak li huwa bagħat.”

[Ġw:6:30] Qalulu: “X’sinjal se tagħmel biex aħna narawh u nemmnuk? X’sejjer tagħmel?

[Ġw:6:31] Missirijietna kielu l-manna fid-deżert, bħalma hemm miktub, ‘Tahom jieklu ħobż mis-sema.”

[Ġw:6:32] Weġibhom Ġesù: “Tassew tassew ngħidilkom, mhux Mosè takom il-ħobż mis-sema, iżda Missieri jagħtikom il-ħobż tassew mis-sema;

[Ġw:6:33] għaliex il-ħobż ta’ Alla huwa dak li jinżel mis-sema u jagħti l-ħajja lid-dinja.”

[Ġw:6:34] “Sinjur,” qalulu huma,”agħtina dejjem minn dan il-ħobż.”

[Ġw:6:35] Weġibhom Ġesù: “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Għalxiex inti l-aktar bil-ġuħ u għatxan? Biex tkun b’saħħtek? Biex ikollok il-ġid? Biex tkun maħbub? Biex tgħix fil-paċi?

Ġesu’ jindirizza dan il-punt ma’ dawk li marru jfittxuh wara li kien għadu kif wettaq il-miraklu tat-tkattir tal-ħobż kienu bil-ġuħ għal dawk l-affarijiet biss li jissodisfaw il-ġisem jew għal dawk li jissodisfaw lill-qalb u lir-ruħ?

Ġesu’ huwa l-eku tal-mistoqsija mpoġġija mill-profeta Isaija kapitlu 55 vers 2. ‘Għaliex taħlu fluskom f’dak li mhuwiex ħobż u ġidkom f’dak li ma jxebbax?’ Hemm żewġ tipi ta’ ġuħ dak fiżiku u dak spiritwali. Alla biss jista’ jissodisfa l-ġuħ spiritwali fi qlubna u f’ruħna. Il-ġuħ għall-verita’, għall-ħajja u għall-imħabba. Ġesu’ jgħidilna wkoll li hu Hu il-Ħobż tal-Ħajja, l-veru Ħobż li jagħtina Alla. Min jilqa’ lil Kristu jgħix bih u ma jieħdu qatt il-ġuħ u min jemmen fi Kristu ma jkun qatt bil-għatx.

Int bil-ġuħ għal Kristu li hu l-Ħobż tal-Ħajja li jinżel mis-sema?

U bil-għatx għall-Kelma tiegħu li tagħti l-Ħajja?

Il-Lhud kienu jqiesu l-manna li rċevew fid-deżert bħala l-Ħobż t’Alla. Hekk insibu f’Salm 78 vers 24 u f’Eżodu kapitlu 16 vers 15. Din kienu jqisuha bħala l-akbar opra li għamel Mosè. Kien hemm twemmin qawwi min naħa tal-imgħallmin li meta l-Messija jiġi huwa kien se jagħti l-Ħobż mis-sema. Issa l-Fariżej u l-Kittieba kienu qed jitolbu lil Ġesu’ biex jipproduċi l-manna mis-sema bħala prova li hu vera l-Messija kif kien qed jistqarr. Ġesu’ jweġibhom billi jgħidilhom li ma kienx Mosè li tahom il-manna, imma Alla nnifsu u li l-manna li ngħatat lil Mosè u lill-poplu fid-deżert ma kinitx l-veru Ħobż mis-sema, imma biss simbolu tal-Ħobż li kien għadu ġej. Ġesu’ mbagħad jagħmel stqarrija li Alla biss setgħa jagħmel. ‘Jiena l-Ħobż tal-Ħajja.’ Il-Ħobż li Ġesu’ joffri hu l-istess Ġismu u Demmu fl-Ewkaristija li huma l-għixien veru tagħna u li jagħtuna l-ħajja vera t’Alla.

Il-manna mis-sema kienet il-figura minn qabel tal-abbundanza superjuri tal-uniku Ħobż fl-Ewkaristija jew fl-Aħħar Ċena tal-Mulej li Ġesu’ ta lid-dixxipli tiegħu, awl illejl qabel ma’ bata. Il-manna fid-deżert sostniet lill-Iżraelin fil-vjaġġ tagħhom lejn l-art Imwegħda ma setgħetx tagħtihom il-ħajja ta’ dejjem. Il-Ħobż li Ġesu’ joffrilna permezz tal-appostli tiegħu li llum huma s-saċerdoti jsostnina mhux biss fil-vjaġġ tagħna lejn il-ġenna pajjiżna, iżda jagħtina bl-abbundanza l-ħajja sopranaturali t’Alla nnifsu kemm għalissa u għal dejjem fl-eternita’.

Ħsieb għal Qalbek …

Meta aħna fil-Quddiesa nirċievu lill-Mulej fit-Tqarbina Mqaddsa, aħna ningħaqdu ħaġa waħda ma’ Kristu li jagħtina naqsmu l-istess Ġismu u Demmu u għalhekk l-istess ħajja Divina tiegħu. Bħal ma’ l-ikel materjali li nieklu jsir aħna, hekk ukoll bl-ikel spiritwali ninbidlu f’dak stess li qed nirċievu. Dan is-Sagrament jixhed il-quċċata tal-imħabba li Alla wera lejna midinbin.

Inti tagħrfu dan id-don kbir li Alla joffrilek ta’ kuljum fl-Ewkaristija Mqaddsa, jew għax tista’ tirċevieh b’xejn taħseb li mhux ta’ xi valur?

Qiegħed titħejja għall-ħajja eterna permezz ta’ dan l-ikel li bih inti tgħix minn issa u għal dejjem fl-eternita’?

 Tipprepara ruħek sew permezz ta’ Qrara tajba qabel tmur tirċievi lil Alla nnifsu ġewwa fik?

Itlob …

Mulej kif qal tajjeb Santu Wistin: ‘Inti ħlaqtna għalik u qalbna ma ssib qatt kwiet jekk ma tistrieħx fik,’ għax inti biss tissodisfa x-xewqat u l-ġuħ l-aktar profond tal-qlub tagħna. Agħtini l-grazzja Mulej li nagħraf dan il-bżonn u dan il-ġuħ fija nnifsi għall-Ħobż li jagħtini l-veru Ħajja ħalli nixba’ biss bik. Għajjixini u qawwini ħalli nkun nista’ nservik bil-ferħ, b’ġenerożita’ u bil-ħeġġa l-jiem kollha li inti se tislifni fuq dina l-art u nibqa’ magħqud miegħek għal dejjem fl-eternita’. Ammen.