256. Riflessjoni fuq Ġwanni 5: 17-30

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Ġwanni 5: 17-30

aa850612b6ecfcb0dc9b5cb370d7e242

L-Evanġelju skont San Ġwann 5: 17-30

[Ġw:5:17] Fdak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies: “Missieri għadu jaħdem sa issa; mela naħdem jien ukoll.”

[Ġw:5:18] U minħabba f’hekk il-Lhud wisq iżjed minn qabel bdew ifittxu li joqtluh, mhux biss għax kien jikser is-Sibt, imma wkoll għax lil Alla kien jgħidlu Missieru u jqis ruħu daqs Alla.

[Ġw:5:19] Ġesù qabad u qalilhom: “Tassew tassew ngħidilkom li l-Iben ebda ħaġa ma jista’ jagħmel minn rajh jekk ma jarax lil Missieru jagħmilha; għax il-ħwejjeġ li jagħmel il-Missier, jagħmilhom l-Iben ukoll, bħalu.

[Ġw:5:20] Għax il-Missier lill-Iben iħobbu u jurih kull ma jagħmel, anzi ħwejjeġ akbar minn dawn jurih, ħalli jkollkom biex tistagħġbu.

[Ġw:5:21] Għax bħalma l-Missier iqajjem lill-mejtin u jagħtihom il-ħajja, hekk ukoll l-Iben jagħti l-ħajja lil dawk li jrid hu.

[Ġw:5:22] Il-Missier ma jagħmel ħaqq minn ħadd, imma ħalla f’idejn l-Iben biex jagħmel il-ħaqq kollu hu,

[Ġw:5:23] biex kulħadd jagħti ġieħ lill-Iben bħalma jagħti ġieħ lill-Missier; u min ma jagħtix ġieħ lill-Iben anqas ma jagħti ġieħ lill-Missier li bagħtu.

[Ġw:5:24] Tassew tassew ngħidilkom li min jisma’ kelmti u jemmen f’min bagħatni għandu l-ħajja ta’ dejjem, u ma jsirx ħaqq minnu, imma għadda mill-mewt għall-ħajja.

[Ġw:5:25] Tassew tassew ngħidilkom li tiġi siegħa, anzi issa hi, meta l-mejtin jisimgħu l-leħen ta’ l-Iben ta’ Alla, u dawk li jisimgħuh jgħixu.

[Ġw:5:26] Għax bħalma l-Missier għandu l-ħajja fih innifsu, hekk ukoll ta lill-Iben li jkollu l-ħajja fih innifsu,

[Ġw:5:27] u tah ukoll is-setgħa li jagħmel ħaqq, għax hu Bin il-bniedem.

[Ġw:5:28] Tistagħġbux b’dan; tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-oqbra jisimgħu leħnu

[Ġw:5:29] u joħorġu; dawk li jkunu għamlu t-tajjeb iqumu għall-ħajja, imma dawk li jkunu għamlu l-ħażin iqumu għall-kundanna.

[Ġw:5:30] “Jiena ma nista’ nagħmel xejn minn rajja; il-ħaqq nagħmlu fuq dak li nisma’, u l-ħaqq li nagħmel jien huwa ġust, għax jien ma nfittixx ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta’ min bagħatni.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

L-azzjonijiet t’Alla juru l-ħniena u l-ġustizzja tiegħu. Inti tagħraf l-azzjoni tiegħu f’ħajtek, il-grazzja tiegħu li ssalvak u mħabbtu u n-nar purifikanti tal-Ispirtu tiegħu li jikkonvinċina mid-dnub u jitrasformana fil-qdusija tiegħu?

L-awtoritajiet reliġjużi rrifjutaw li jaċċettaw l-awtorita’ ta’ Ġesu’ biex ifejjaq u biex jitkellem f’isem Missieru tas-sema. Huma akkużaw lil Ġesu’ li hu kien jikser il-liġi ta’ jum is-Sibt u li kien qed jidgħi. Huma riedu joqtlu lil Ġesu’ għaliex hu stqarr l-istess awtorita’ u qawwa daqs il-Missier. Hu stqarr li hu daqs Alla xi ħaġa li l-ebda bniedem ma setgħa jgħidha bla ma jkun qed jidgħi. Ġesu’ wieġeb għall-akkuża tagħhom li kien qed jikser il-liġi tas-Sibt billi wriehom il-pjan t’Alla għall-Ħolqien u r-Redenzjoni biex isalva u jġedded il-ħajja.

Ħsieb għal Qalbek …

L-imħabba u l-ħniena t’Alla qatt ma tispiċċa lanqas f’jum is-Sibt. Ġesu’ jkompli juri l-ħniena tal-Missier anke f’jum is-Sibt, jum is-serħan. Meta akkużawh li kien qed jagħmel lilu nnifsu daqs Alla hu wieġeb li hu ma kienx qiegħed jaġixxi indipendentament minn Alla għax ir-relazzjoni tiegħu kienet dik ta’ bejn Missier u Iben. Jekk nixtiequ naraw kif Alla jaġixxi għad-dnub u kif iwieġeb għall-kundizzjoni midinba tagħna rridu nħarsu lejn Ġesu’. Il-moħħ ta’ Ġesu’ hu l-moħħ t’Alla u l-kliem ta’ Ġesu’ hu l-kliem t’Alla. Ġesu’ wkoll jistqarr li l-identita’ tiegħu lejn il-Missier hi bbażata fuq ubbidjenza kompleta. Ġesu’ dejjem għamel dak li l-Missier riedu jagħmel. L-ubbidjenza tiegħu ma kinitx ibażata fuq sottomissjoni jew qawwa, imma fuq l-imħabba. L-għaqda bejn Ġesu’ u l-Missier hija għaqda t’imħabba. Aħna msejħin biex nissottomettu ħajjitna lil Alla bl-istess imħabba u ubbidjenza li wera Ġesu’ lejn Missieru. Ġesu’ jistqarr li wieħed jaċċetta l-ħajja jekk jaċċetta lilu u jekk jirrifjutah ikun qed jilqa’ l-mewt.

U inti lest timxi wara l-Mulej u titlaq warajk dak kollu li hu ħażin u kuntrarju għar-rieda tiegħu?

Itlob …

Mulej kabbar l-imħabba tiegħi għalik u għaqqad lil qalbi ma’ qalbek.

Marija omm twajba għenni biex infittex biss li nogħġob lil Alla f’kollox bl-istess mod kif għoġobtu inti. Ammen.