254. Riflessjoni fuq Ġwanni 4: 43-54

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Ġwanni 4: 43-54

Centurions-faith-in-Jesus

L-Evanġelju skont San Ġwann 4: 43-54

[Ġw:4:43] Fdak iż-żmien, Ġesù telaq minn hemm lejn il-Galilija;

[Ġw:4:44] għax Ġesù stess xehed li profeta ma għandux ġieħ f’pajjiżu.

[Ġw:4:45] Mela meta wasal il-Galilija, il-Galilin laqgħuh tajjeb billi lkoll raw kull ma kien għamel f’Ġerusalemm f’jum il-festa, għax huma wkoll kienu marru għall-festa.

[Ġw:4:46] U raġa’ ġie f’Kana tal-Galilija, fejn kien biddel l-ilma fi nbid. Issa f’Kafarnahum kien hemm uffiċjal tas-sultan u kellu lil ibnu marid.

[Ġw:4:47] Meta sama’ li mil-Lhudija Ġesù kien ġie fil-Galilija, mar għandu jitolbu jinżel u jfejjaqlu lil ibnu, għax kien wasal fl-aħħar.

[Ġw:4:48] U Ġesù qallu: “Jekk ma tarawx sinjali u għeġubijiet ma temmnux?”

[Ġw:4:49] Qallu l-uffiċjal: “Inżel Mulej, qabel ma jmutli t-tifel!”

[Ġw:4:50] Qallu Ġesù: “Mur, ibnek ħaj.” Ir-raġel emmen il-kelma li qallu Ġesù u telaq.

[Ġw:4:51] Huwa u nieżel, iltaqgħu miegħu l-qaddejja tiegħu u qalulu: “Ibnek ħaj.”

[Ġw:4:52] Hu staqsiehom xħin kien meta beda jaqleb għall-aħjar, u huma qalulu: “Ilbieraħ fis-seba’ siegħa telqu d-deni.”

[Ġw:4:53] Il-missier intebaħ li dak kien il-ħin meta Ġesù qallu: ‘Ibnek jgħix,’ u emmen hu u l-familja kollha tiegħu.

[Ġw:4:54] Dan kien sinjal ieħor, it-tieni wieħed, li għamel Ġesù meta ġie l-Galilija mil-Lhudija.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti tersaq lejn Ġesu’ bil-fidi li jistenna minnek għall-fejqan, għall-maħfra u għat-trasformazzjoni fil-qdusija tixbah lil tiegħu?

Il-mirakli ta’ Ġesu’ huma sinjali li jimmanifestaw il-preżenza u l-qawwa tas-Saltna t’Alla. Meta uffiċjal għoli li probabbli kien mill-qorti t’Erodi sema’ bir-rapporti tal-predikazzjoni u l-mirakli ta’ Ġesu’ hu ddeċieda li jfittex lil Ġesu’ biex jitolbu favur speċjali. Li kieku din l-istorja seħħet fi żminijietna fuq l-mezzi ta’ komunikazzjoni kien jingħad: ‘Uffiċjal għoli jitlaq beltu biex ifittex fejqan mirakluż mingħand mastrudaxxa li kien joqgħod f’belt ċkejkna.’

Kien meħtieġ kuraġġ kbir għall-uffiċjal ta’ dak il-grad biex jitlaq u jivjaġġa għoxrin mil biex ifittex lil Ġesu’ sempliċi mastrudaxxa mill-Galilija. Kellu jumilja ruħu u jaffaċja wkoll iż-żeblieħ mingħand sħabu u meta sab lil dan il-mastrudaxxa li jfejjaq Ġesu’ deher qisu li ddiżappuntah meta stqarr bil-miftuħ lin-nies ma jemmnux jekk ma jarawx xi forma ta’ miraklu jew sinjal mis-sema. Hu probabbli li Ġesu’ għamel dan biex jgħaddi lir-raġel mill-prova biex jara kemm kellu fidi mħeġġa u soda. Jekk jaqta’ qalbu u jerġa’ lura rritat hu kien juri li mhux sinċier. Ġesu’ li għaraf x’tip ta’ fidi kellu bgħattu d-dar biċ-ċertezza li t-talba tiegħu nstemgħet. Hu probabbli li ma kienx faċli għal dan ir-raġel biex jitlaq minn ma’ Ġesu’ u jmur lura d-dar biss biċ-ċertezza tal-kelma li tah Ġesu’ li Ibnu kien se jfieq.

Ma setgħax Ġesu’ jmur id-dar ta’ dan ir-raġel ipoġġi jdejh fuq Ibnu u hu ma kienx imut?

Ħsieb għal Qalbek …

L-uffiċjal emmen f’Ġesu’ u ħadu fil-kelma mingħajr ma ddubita jew qagħad jitħasseb. Hu kien lest li jmur lura d-dar u jaffaċja ż-żeblieħ u t-twaqqiegħ għaċ-ċajt minħabba li kien poġġa l-fiduċja tiegħu fil-Kelma ta’ Ġesu’. Il-ħniena t’Alla turina l-imħabba ġeneruża tiegħu. Imħabba li tmil lejna biex twieġeb għall-miżerji u l-ħażen tagħna.

Hemm xi ‘area’ f’ħajtek fejn int teħtieġ fejqan, maħfra, bidla u tiġdid?

Jekk tfittex lill-Mulej b’fiduċja u bil-fidi li jistenna minnek hu ma jiddiżappuntakx. Hu jiġi jiltaqa’ miegħek aktar min nofs triq u jagħtik dak li teħtieġ. Il-Mulej Ġesu’ qatt ma jirrifjuta lil min ipoġġi l-fiduċja tiegħu fih. Itlaq d-dubji u l-biżgħat, is-suppervja u l-ħtija f’riġlejn Ġesu’ u afda fil-Kelma tiegħu li ssalvak u fi mħabbtu li tfejqek.

Itlob …

Mulej Ġesu’ mħabbtek qatt ma tiġi nieqsa u l-ħniena tiegħek ma tispiċċa qatt. Agħtini l-kuraġġ biex nitlaq is-suppervja, il-biża’ u d-dubji tiegħi għall-imħabbtek li hi infinita’, għall-għerf u għall-għarfien tiegħek.

Għażiża ommi Marija, itlob miegħi u għalija biex inkun qawwija fil-fidi, nippersevera fit-tama u nkun kostanti fl-imħabba. Ammen.