253. Riflessjoni fuq Ġwanni 4: 5-42

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Ġwanni 4: 5-42

living-water-jesus-christ-610290-gallery-notice

L-Evanġelju skont San Ġwann 4: 5-42

[Ġw:4:5] Fdak iż-żmien, Ġesu ġie f’belt tas-Samarija, jisimha Sikar, qrib il-biċċa art li Ġakobb kien ta lil ibnu Ġużeppi,

[Ġw:4:6] fejn kien hemm ukoll il-bir ta’ Ġakobb. Kien għall-ħabta tas-sitt siegħa, u Ġesù, għajjien kif kien mill-mixi, qagħad bilqiegħda ħdejn il-bir.

[Ġw:4:7] U ġiet mara mis-Samarija timla l-ilma.”Agħtini nixrob,” qalilha Ġesù.

[Ġw:4:8] Id-dixxipli tiegħu kienu marru l-belt jixtru x’jieklu.

[Ġw:4:9] Il-mara mis-Samarija qaltlu: “Kif! Inti Lhudi u titlob lili, Samaritana, biex nagħtik tixrob?” Qaltlu hekk għax il-Lhud ma jitħalltux mas-Samaritani.

[Ġw:4:10] Ġesù weġibha: “Kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qiegħed jgħidlek, ‘Agħtini nixrob,’ kieku int kont titolbu, u hu kien jagħtik ilma ħaj.”

[Ġw:4:11] Qaltlu l-mara: “Sinjur, mnejn se ġġib l-ilma ħaj jekk anqas biex timla ma għandek u l-bir huwa fond?

[Ġw:4:12] Jaqaw int aqwa minn missierna Ġakobb li tana dan il-bir, li minnu xorob hu u wliedu u l-imrieħel tiegħu?”

[Ġw:4:13] Weġibha Ġesù: “Kull min jixrob minn dan l-ilma jerġa’ jagħtih l-għatx;

[Ġw:4:14] imma min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx. L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn ta’ l-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem.”

[Ġw:4:15] Qaltlu l-mara: “Agħtini dan l-ilma, Sinjur, biex ma jaqbadnix l-għatx, u anqas ma noqgħod ġejja u sejra hawn nimla l-ilma.”

[Ġw:4:16] Qalilha Ġesù: “Mur sejjaħ lil żewġek u erġa’ ejja hawn.”

[Ġw:4:17] Weġbitu l-mara: “Ma għandix żewġi.” Qalilha Ġesù: “Sewwa għedt, ‘ma għandix żewġi.’

[Ġw:4:18] Inti żżewwiġt ħames darbiet, u r-raġel li għandek miegħek bħalissa m’huwiex żewġek. Sewwa weġibt?”

[Ġw:4:19] Qaltlu l-mara: “Int profeta, Sinjur, milli qiegħda nara.

[Ġw:4:20] Missirijietna kienu jaduraw lil Alla fuq din il-muntanja; imma intom tgħidu li l-post fejn wieħed għandu jadura lil Alla jinsab f’Ġerusalemm.”

[Ġw:4:21] Qalilha Ġesù: “Emminni, mara, jiġi żmien meta mhux fuq din il-muntanja taduraw lill-Missier, anqas f’Ġerusalemm.

[Ġw:4:22] Intom taduraw lil dak li ma tafux; aħna naduraw lil dak li nafu, għax is-salvazzjoni ġejja mil-Lhud.

[Ġw:4:23] Imma tiġi siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u l-verità. Għax il-Missier ukoll, nies bħal dawn ifittex li jadurawh.

[Ġw:4:24] Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-ispirtu u l-verità.”

[Ġw:4:25] Qaltlu l-mara: “Jiena naf li ġej il-Messija, – dak li jgħidulu Kristu. Meta jiġi hu, kollox iħabbrilna.”

[Ġw:4:26] Qalilha Ġesù: “Jiena hu, li qiegħed nitkellem miegħek.”

[Ġw:4:27] Fil-ħin ġew id-dixxipli tiegħu, u stagħġbu jarawh jitkellem ma’ mara; iżda ħadd minnhom ma staqsieh, ‘Xi trid?’, jew, ‘Għax qiegħed titkellem magħha?’

[Ġw:4:28] Il-mara ħalliet il-ġarra hemmhekk, reġgħet daħlet il-belt u qalet lin-nies:

[Ġw:4:29] “Ejjew araw bniedem li qalli kull ma għamilt. Tgħid, dan il-Messija?”

[Ġw:4:30] U n-nies ħarġu mill-belt u ġew ħdejh.

[Ġw:4:31] Sadattant id-dixxipli bdew jitolbuh u jgħidulu: “Rabbi, kul!”

[Ġw:4:32] Iżda hu qalilhom: “Jien għandi ikel x’niekol li intom ma tafux bih.”

[Ġw:4:33] Id-dixxipli għalhekk bdew jistaqsu lil xulxin: “Jaqaw ġie xi ħadd u ġieblu x’jiekol?”

[Ġw:4:34] Qalilhom Ġesù: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda ta’ min bagħatni u li nwassal fit-tmiem l-opra tiegħu.

[Ġw:4:35] Intom ma tgħidux li baqa’ erba’xhur oħra għall-ħsad? Imma araw x’ngħidilkom jien: erfgħu għajnejkom u ħarsu ftit kif l-għelieqi bjadu għall-ħsad!

[Ġw:4:36] Ġa l-ħassad qiegħed jieħu ħlasu u jiġbor il-frott għall-ħajja ta’ dejjem, biex min jiżra’ jifraħ hu wkoll bħal min jaħsad.

[Ġw:4:37] F’dan taraw kemm sewwa jingħad li wieħed jiżra’ u l-ieħor jaħsad.

[Ġw:4:38] Jiena bgħattkom taħsdu dak li ma tħabattux għalih intom; kienu oħrajn li tħabtu, u intom dħaltu flokhom biex tgawdu l-frott tat-taħbit tagħhom.”

[Ġw:4:39] Kien hemm ħafna Samaritani minn dik il-belt li emmnu f’Ġesù fuq ix-xhieda li tathom dik il-mara meta qaltilhom:’Qalli kull ma għamilt,’

[Ġw:4:40] tant, li meta s-Samaritani ġew ħdejh, bdew jitolbuh biex jibqa’ magħhom, u hu qagħad hemm jumejn.

[Ġw:4:41] Mbagħad ħafna oħrajn emmnu minħabba kliemu,

[Ġw:4:42] u lill-mara qalulha: “issa mhux għax għedtilna int qegħdin nemmnu, imma għax aħna wkoll smajnieh, u sirna nafu li dan tassew hu s-salvatur tad-dinja.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti tħalli xi jfixklek milli tersaq lejn il-Mulej u twettaq ir-rieda tiegħu f’ħajtek?

Ġesu’ rebaħ fuq l-ostakli tal-preġudizzju, tad-dnub u tan-nuqqas ta’ ftehim bil-verita’ tal-Kelma t’Alla u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Il-Lhud u s-Samaritani kienu ilhom mifrudin għal sekli sħaħ. Ma kien ikollhom l-ebda kuntatt bejniethom. Kienu jevitaw kull kuntatt soċjali anke fejn tidħol snajja jew żwiġijiet imħallta. Meta triqathom kienu jiltaqgħu ma kienx rari li kienu jidħlu f’konflitt.

Meta Ġesu’ għadda mis-Samarija hu għamel dak li ħadd ma kien jistenna. Hu ddjaloga ma’ Samaritana u għalhekk rriksja li jkun ritwalment imniġġes u imċanfar minn sħabu l-Lhud.

Għaliex Ġesu’ ltaqa’ mas-Samaritana waħdu?

In-nisa normalment kienu jiltaqgħu ħdejn il-bir li kien hemm fil-belt kmieni filgħodu meta l-ġurnata kienet tkun għadha friska. Kien ikun mument ta’ soċjalizazzjoni u fejn waħda kienet taqsam mal-oħra xi ġrajjiet li jkunu qegħdin iseħħu. Il-fatt li din il-midinba pubblika għażlet nofs il-jum biex toħroġ fil-pubbliku meta s-sħana kienet fl-aqwa tagħha turi  kemm kienet maqtugħa mill-komunita’ tagħha stess. Ġesu’ kisser il-barrieri tan-nazzjonalita’ u tal-użanzi tal-Lhud. Hu wera l-universalita’ tal-Vanġelu. Ħadd mhu eskluż milli jirċievi l-imħabba t’Alla u l-bxara t-tajba tas-Salvazzjoni. Hemm biss ħaġa waħda li tista’ żżommna ‘l bogħod minn Alla u l-imħabba redentiva’ tiegħu. Is-suppervja u r-rieda ribelluża tagħna.

Ħsieb għal Qalbek …

X’inhu l-punt ta’ Ġesu’ f’li jaqsam l-ilma mal-mara?

L-ilma f’postijiet imdawwra b’art niexfa kien rari. Il-bir ta’ Ġakobb kien jinsab f’post strateġiku bejn is-Samarija u l-Galilija. Wieħed jista’ jgħix mingħajr ikel għal diversi ġranet imma mhux mingħajr ilma. L-ilma hu sors ta’ ħajja u tkabbir għal kull ħlieqa ħajja. Meta x-xita kienet tiġi fid-deżert l-ilma kien ibiddel l-art niexfa f’għalqa fertili. It-tip t’ilma li Ġesu’ tkellem dwaru kien ilma Ħaj u f’turrenti kbar, xmajjar t’ilma Ħaj. L-ilma Ħaj kien ukoll simbolu għal-Lhud tal-għatx lir-ruħ ikollha għal Alla. L-ilma li Ġesu’ tkellem dwaru jissimbolizza l-Ispirtu s-Santu u l-ħidma tiegħu li jerġa’ joħloqna fuq ix-xbieha t’Alla u jsaħħaħ fina l-Ħajja l-ġdida li tiġi minn Alla. Il-Ħajja li l-Ispirtu s-Santu jipproduċi fina tagħmilna kreazzjoni ġdida fi Kristu Ġesu’.

Int tixxennaq għal Alla u għad-don tal-Ħajja fl-Ispirtu s-Santu li jinsab fik?

Itlob …

Mulej ruħi tixxennaq għalik. Imlieni bl-Ispirtu s-Santu ħalli nsib dejjem il-ferħ vera  fil-preżenza tiegħek.

Għażiża Marija, Tempju tal-Ispirtu s-Santu għallimni nsib il-għaxqa tiegħi f’li nagħmel ir-rieda t’Alla u għenni biex miegħek nistqarr li l-Ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax għamel miegħi ħwejjeġ kbar. Ammen.