251. Riflessjoni fuq Ġwanni 2: 1-11

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Ġwanni 2: 1-11

wedding_at_cana460

L-Evanġelju skont San Ġwann 2: 1-11

[Ġw:2:1] Fdak iż-żmien: Sar tieġ fKana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm.

[Ġw:2:2] Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll flimkien mad-dixxipli tiegħu.

[Ġw:2:3] Billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: “Ma għandhomx inbid.”

[Ġw:2:4] U Ġesù qalilha: “X’hemm bejni u bejnek, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx.”

[Ġw:2:5] Omm Ġesù qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu.”

[Ġw:2:6] Issa kien hemm sitt ġarar tal-ħaġar, mqiegħda hemm għar-rit tal-purifikazzjoni tal-Lhud, kull waħda minnhom tasa’ xi mitt jew mija u għoxrin litru.

[Ġw:2:7] Ġesù qal lill-qaddejja: “Imlew il-ġarar bl-ilma.” U dawk imlewhom sax-xifer.

[Ġw:2:8] Mbagħad qalilhom: “Issa ħudu minnu u newwluh lil dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda.” U huma marru jagħtuhulu.

[Ġw:2:9] Hu daq l-ilma mibdul fi nbid; u billi ma kienx jaf mnejn ġie, għalkemm il-qaddejja li ħadu mill-ilma kienu jafu, sejjaħ lill-għarus

[Ġw:2:10] u qallu: “Kulħadd l-inbid it-tajjeb iservi l-ewwel; meta mbagħad ikun ħadhom iġibu dak li jkun inqas tajjeb. Imma int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa.”

[Ġw:2:11] Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Alla jirrivela l-glorja tiegħu f’postijiet li lanqas tistenna li jagħmel dan. Fi stalla f’Betlehem, fit-tieġ ta’ Kana, fix-xmara tat-tajn fil-Ġordan u fuq salib imdemmi fuq il-Golgota. L-ewwel miraklu pubbliku ta’ Ġesu’ jew aħjar l-ewwel sinjal wettqu minħabba l-insistenza t’ommu.

Ġesu’ bierek koppja żagħżugħa u ġab ferħ fit-tieġ tagħhom. L-ewwel nett bil-preżenza tiegħu u t-tieni billi salvahom mill-mistħija li setgħu ġarrbu minħabba li spiċċalhom l-inbid. Il-bdil tal-ilma f’inbid kien sinjal qawwi tal-att ġentili u ġeneruż ta’ Ġesu’, imma li ta l-aħjar lejn l-aħħar setgħa jidher bla siewi u stramb. Fit-Testment il-qadim l-inbid kien sikwit ikkunsidrat bħala don u simbolu tal-barka t’Alla. Dan nistgħu nsibuh fil-ktieb tad-Dewteronomju kapitlu 7 vers 13, fil-ktieb tal-Proverbji kapitlu 3 vers 10 u f’Salm 104 vers 15. Li Ġesu’ jipproduċi b’mod mirakluż 120 gallun tal-aqwa nbid ħafna aktar milli kien neċċessarju turi l-abbundanza sopranaturali tal-barka li hu ġie biex joffri.

Dan il-miraklu tiegħu jfisser l-inbid ġdid tal-Evanġelju u jipponta lejn l-Inbid tal-patt il-ġdid u l-Ħobż tal-ħajja li Ġesu’ jipprovdi għad-dixxipli tiegħu fl-ikla tal-Mulej jew fl-Ewkaristija li llum insejħlulha l-Quddiesa. Jipponta wkoll għall-ikla Messjanika li Ġesu’ se jipprovdi fil-ġenna għall-imberkin tiegħu fl-aħħar taż-żmien. Il-mirakli ta’ Ġesu’ juruna l-qawwa tal-imħabba t’Alla u l-ħniena tiegħu lejn il-poplu tiegħu. Il-ġenerożita’ t’Alla ma għandiex limitu u l-għola espressjoni t’imħabbtu hi rrivelata fil-persuna t’Ibnu Sidna Ġesu’. Hu sar bniedem għalina, miet biex isalvana u qam biex jigglorifikana.

Inti tixxennaq għal Alla u għall-ħajja tiegħu ta’ qdusija li hu joffrilek kontinwament?

Ħsieb għal Qalbek …

Ta’ min jinnota l-insistenza ta’ Marija omm Ġesu’ biex huwa jgħin bis-setgħa tiegħu lill-koppja li naqashom l-inbid li hu wkoll simbolu tal-ferħ tal-ħajja tagħna. Għall-fidi u l-ħerqa t’ommu Marija, Ġesu’ lest li jibqa’ jibdel l-ilma bla tomgħa ta’ ħajjitna, l-ilma morr fil-ħajja tal-koppji miżżewġa tagħna fl-inbid ħelu u fil-ferħ vera li hu biss jista’ jagħtina.

U inti tpoġġi quddiem Ġesu’ lilek u lill-familja tiegħek biex hu jgħinkom u jimliekom bil-ferħ li hu tant meħtieġ f’ħajjitna?

U ddur lejn Marija ommna biex hi b’mod speċjali permezz tat-talba tar-Rużarju titlob u tinsisti ma’ Binha Ġesu’ ħalli jagħtikom dak li jonqoskom?

Il-familja li titlob flimkien tibqa’ flimkien.

Qiegħed tħajjar lill-membri tal-familja tiegħek biex tinġabru flimkien għall-mumenti ta’ talb?

Kemm għad hawn familji għaqlin li jfasslu ħin biex flimkien jitolbu t-talba tant sabiħa u effettiva tar-Rużarju?

Bit-talba tant għal qalbha tar-Rużarju, Marija ommna tgħallimna nagħmlu dak li jgħidilna Binha għas-Salvazzjoni tagħna u biex ikollna l-veru ferħ tiegħu fuq din l-art.

Kemm qed tagħti widen għas-sejħat t’ommna Marija li f’kull dehra tagħha ttenni: ‘Għidu r-Rużarju, għidu r-Rużarju, għidu r-Rużarju.’

Kemm qed nieħdu bis-serjeta’ din l-istedina tas-Sultana tas-sema u nobduha biex nuruha li aħna tassew qed nittammaw fl-interċessjoni qawwija tagħha quddiem Binha Ġesu’?

Itlob …

Missier inti rrivelajt il-glorja tiegħek f’Ġesu’ Ibnek u Sidna. Imlieni bl-Ispirtu qaddis tiegħek biex jien nagħti glorja lilek b’dak kollu li naħseb, ngħid u nagħmel f’ħajti.

Għażiża Marija minn qalbna nitolbuk biex tgħallimna nerġgħu nsibu l-valur li tlifna biż-żmien lejn it-talba tant għal qalbek tar-Rużarju biex permezz ta’ din it-talba aħna nafdawlek bis-serjeta’ l-familji għeżież tal-gżejjer tagħna, bil-bżonnijiet materjali u spiritwali kollha tagħhom. Ammen.