248. Riflessjoni fuq Ġwanni 1: 1-18

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Ġwanni 1: 1-18

Hinh-Giang-Sinh-Tin-Lanh-cdnvn-2013-7

L-Evanġelju skont San Ġwann 1:1-18

[Ġw:1:1] Fil-bidu kien il-Verb, u l-Verb kien ma’ Alla, u l-Verb kien Alla.

[Ġw:1:2] Hu kien fil-bidu ma’ Alla.

[Ġw:1:3] Kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru; kull ma sar

[Ġw:1:4] kellu l-ħajja fih, u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin.

[Ġw:1:5] Id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux.

[Ġw:1:6] Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni.

[Ġw:1:7] Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen.

[Ġw:1:8] Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl,

[Ġw:1:9] dak id-dawl veru, li jdawwal kull bniedem, huwa u ġej fid-dinja.

[Ġw:1:10] Kien fid-dinja, u d-dinja saret bih, imma d-dinja ma għarfitux.

[Ġw:1:11] Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx.

[Ġw:1:12] Imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, dawk li jemmnu f’ismu,

[Ġw:1:13] li twieldu mhux mid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem, u anqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla.

[Ġw:1:14] U l-Verb sar bniedem u għammar fostna, u aħna rajna l-glorja tiegħu, il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni, mimli bil-grazzja u l-verità.

[Ġw:1:15] Ġwanni ta xhieda fuqu meta għajjat u qal: “Dan hu li għalih għedtilkom, ‘Jiġi warajja, imma hu aqwa minni, għax kien minn qabli.”

[Ġw:1:16] Għax mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna, grazzja fuq grazzja.

[Ġw:1:17] Alla ta l-Liġi permezz ta’ Mosè imma l-grazzja u l-verità seħħew permezz ta’ Ġesù Kristu.

[Ġw:1:18] Lil Alla għadu ħadd ma rah; imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, li hu fi ħdan il-Missier.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Għaliex Ġwanni l-Evanġelista jibda l-Vanġelu b’deskrizzjoni tal-Kelma t’Alla?

Il-Kelma t’Alla kienet espressjoni komuni fost il-Lhud. Il-Kelma t’Alla fit-Testment il-qadim hija kelma attiva, kreattiva u dinamika. Salm 33 vers 6 insibu: ‘ Bil-Kelma tal-Mulej saru s-smewwiet.’

Ħsieb għal Qalbek …

Ġwanni jiddeskrievi lil Ġesu’ bħala l-kreazzjoni t’Alla dak li jagħti l-ħajja. Dak li jagħti d-dawl. Il-Kelma li ġiet fid-dinja f’forma umana. Ġesu’ huwa l-għerf u l-qawwa t’Alla li ħalaq id-dinja u jżommha. Hu li ħa n-natura umana biex ikun jista’ jwettaq is-Salvazzjoni tiegħu għalina. Ġesu’ sar tassew bniedem filwaqt li baqa’ tassew Alla. Ġesu’ verament l-Iben t’Alla li filwaqt li baqa’ Alla u l-Mulej sar bniedem u ħuna. Minn żmien l-Appostli l-fidi Nisranija dejjem insistiet fuq l-Inkarnazzjoni tal-Iben t’Alla li deher fil-ġisem kif jgħidilna San Ġwann fl-ewwel ittra tiegħu kapitlu 4 vers 2. Jekk iridu naraw il-glorja t’Alla rridu narawha permezz ta’ Ġesu’ Kristu.

Hekk kif insibu fit-tieni ittra ta’ San Pietru kapitlu 1 vers 4. Ġesu’ ħa sehem fin-natura umana tagħna biex aħna nkunu nistgħu nieħdu sehem fin-natura Divina tiegħu. Il-pjan t’Alla għalina anke sa mill-bidu tal-Ħolqien kien dak li aħna nkunu magħquda kompletament miegħu. Meta Ġesu’ jiġi Alla jkun magħruf bħala Alla u Missier ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. Meta aħna ningħaqdu ma’ Kristu, Alla jsir Missierna wkoll u aħna nsiru wkoll uliedu subien u bniet.

U inti tirringrazzja lill-Missier tas-sema li bgħattilna l-unika Iben tiegħu biex jifdina u biex jaqsam magħna l-istess glorja tiegħu?

Itlob …

O Alla setgħan u Missier id-dawl. Il-Kelma eterna tiegħek ġiet hawn fostna fid-dinja fis-skiet tal-lejl. Iftaħ il-qalb tagħna ħalli aħna nirċievu l-ħajja li hu ġie biex jagħtina.

Għażiża Marija kabbar fija x-xewqa li nara lil Alla u li nagħraf il-pjan tiegħu t’imħabba għalija. Agħmel li jiena ngħix b’din ix-xewqa hekk li nwettaq ir-rieda tiegħu ħalli meta jasal il-waqt jiena wkoll nimtela bil-glorja u bil-paċi dejjiema tiegħu fis-Saltna ta’ dejjem fis-sema. Ammen.