245. Riflessjoni fuq Mattew 2: 13-18

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 2: 13-18

flight-into-egypt-720x480

L-Evanġelju skont San Mattew 2: 13-18

[Mt:2:13] Meta telqu l-maġi, deher anġlu tal-Mulej f”ħolma lil Ġużeppi u qallu: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u ‘l ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa’ hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu.”

[Mt:2:14] Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u ‘l ommu billejl u telaq lejn l-Eġittu,

[Mt:2:15] u baqa’ hemmhekk sal-mewt ta’ Erodi, biex hekk iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal, “Mill-Eġittu sejjaħt lil ibni.”

[Mt:2:16] Erodi mbagħad, meta ra li l-maġi kienu daħku bih, nkorla bis-sħiħ, u bagħat joqtol f’Betlehem u fl-inħawi kollha tagħha lit-tfal subjien kollha ta’ minn sentejn ‘l isfel, skond iż-żmien li sar jaf mingħand il-maġi.

[Mt:2:17] Mbagħad seħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Ġeremija, meta qal,

[Mt:2:18] ‘F’Rama nstama’ leħen, biki u lfiq kbir: Rakel tibki lil uliedha ma tridx min ifarraġha għax ma għadhomx iżjed.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Min jista’ jispjega s-sofferenza speċjalment is-sofferenza tat-tfal innoċenti?

Il-massakru li Erodi għamel minn tfal li taw ħajjithom għal persuna u għall-verita’ li huma ma kienux jafu jidher bħala inġust u bla użu. Xi skandlu u x’ostaklu għal dawk li ma jagħrfux l-imħabba redentiva’ t’Alla.

Għaliex Alla ma waqqafx dan il-massakru?

Is-sofferenza hija tassew misteru. L-ebda spjegazzjoni ma tidher li tista’ tissodisfa l-bżonn uman tagħna li nifhmu.

Xi jrid jgħidilna San Pawl Appostlu meta qal dan il-kliem: ‘Aħna nafu li f’kollox Alla jaħdem id f’id għall-ġid ta’ dawk li jħobbuh u ta’ dawk li huma msejħa skont il-providenza tiegħu.’ Minn Rumani kapitlu 8 vers 28.

Dawn it-tfal innoċenti u l-ġenituri tagħhom sofrew għal Kristu.

Ħsieb għal Qalbek …

Is-sofferenza, il-persekuzzjoni u l-martirju huma dak li jaffaċċjaw dawk li għażlu li jimxu wara l-Mulej. M’hemm l-ebda kuruna glorjuża mingħajr is-salib. Kien propju permezz tas-sofferenza, l-umiljazzjoni u l-mewt ta’ Ġesu’ fuq is-salib li s-Salvazzjoni tagħna seħħet tassew. Il-mewt tiegħu rebħitilna l-ħajja. Il-ħajja eterna għalina lkoll. Id-demm tiegħu li hu xerred għalina ġabilna l-maħfra u għaqqadna m’Alla l-Missier. Is-sofferenza tieħu diversi forom. Mard, diżabilita’ fiżika jew mentali, uġigħ, trawmiet emozzjonali, xi ħadd li jabbuża minn ħaddieħor, faqar, inġustizzji. Ġesu’ jispjega li dawk li jibku, dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa huma mberkin. F’Mattew kapitlu 5 versi minn 10 sa 12. Il-kelma mberkin ‘makarjus’ bil-grieg tfisser letteralment imberkin jew henjin. Tiddeskrievi ferħ u serenita’ ta’ dawk illi jafdaw f’Alla. Dawk li huma mimlija b’Alla għalhekk ma jonqoshom xejn għax għandhom lilu. Dan il-ferħ ma jiddependix miċ-ċirkustanzi li spiss jinbidlu fil-ħajja tagħna. Ġesu’ qal: ‘Jien ġejt biex intikom il-ħajja u l-ħajja bil-kotra, u l-ferħ tagħkom ikun sħiħ.’

U inti għaraft dan il-ferħ tal-ħajja li joffrilna l-Mulej aktar ma nintelqu f’idejh b’fiduċja u b’fidi sħiħa?

Itlob …

Mulej Ġesu’, inti tajt ħajtek għalina biex tifdina mill-iskjavitu’ tad-dnub u tal-mewt. Għenni nġorr is-salib tiegħi bil-ferħ u b’rieda sħiħa li naħdem dejjem għall-glorja tiegħek.

Għażiża Marija kun int il-qawwa tiegħi f’mumenti ta’ prova u ta’ qtiegħ il-qalb u agħmel li jien qatt ma naqta’ qalbi jew nerġa’ lura milli nkompli mixja wara Ġesu’ b’determinazzjoni sal-aħħar bl-istess mod kif għamilt inti sa taħt is-salib t’Ibnek. Ammen.