241. Riflessjoni fuq Luqa 1: 46-55

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 1: 46-55

58820ad85d224efbdbd881f66918d310

L-Evanġelju skont San Luqa 1: 46-55

[Lq:1:46] Fdak iż-żmien, Marija qalet: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,

[Lq:1:47] u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

[Lq:1:48] għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva, minn issa ‘l quddiem kull nisel isejjaħli hienja,

[Lq:1:49] għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu.

[Lq:1:50] Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu.

[Lq:1:51] Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

[Lq:1:52] Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin.

[Lq:1:53] Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

[Lq:1:54] Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu,

[Lq:1:55] bħalma wiegħed lil missirijietna, b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Marija li titlob it-talba nsibuha bħala l-Magnificat. Ir-ruħ ta’ Marija li tfaħħar il-kobor tal-Mulej. Marija li kienet għadha kemm rċeviet tifħir mingħand Eliżabetta. Tifħir minħabba l-fedelta’ u l-fiduċja tagħha f’Alla. Marija ddawwar dan it-tifħir lejn Alla. Ruħha li kienet ippreparata tajjeb bit-talb, bil-meditazzjoni tal-Kelma t’Alla u b’ħajja ta’ qdusija, iddur lejn Alla tfaħħru u anke wkoll tipprofetizza dak li Alla kien se jwettaq mal-poplu tiegħu u ma’ dawk kollha li f’kull żmien għad jemmnu fl-imħabba u l-ħniena tiegħu u jilqgħuh bħala s-Salvatur. Hi tħabbar li l-ħniena tiegħu għad tinfirex f’kull żmien li hu jibqa’ jħenn għal dawk li b’indiema jduru lejh u jitolbuh il-maħfra. Marija turina kif Alla jagħżel lil dawk li huma umli, lil dawk li huma xejn fid-dinja lid-dinja kważi tqishom boloh. Jagħżel lilhom biex lilhom jirrivelalhom lilu nnifsu. Jagħżel lil dawk li jidhru boloh biex iħawwad lil dawk li jaħsbu li huma xi ħaġa, li huma għorrief. Marija hija din il-figura umli li għoġbot lil Alla.

Ħsieb għal Qalbek …

Minħabba dan kollu Marija hija dik li lejha għandna nduru b’kunfidenza għax hija l-aqwa interċessura tagħna. Hi titlob għalina u tinterċedi għalina lkoll bħala wliedha. Hi għandha rwol t’omm l-istess rwol li taha binha Ġesu’ taħt is-salib. Hi taqdi dan l-irwol b’fedelta’ u titlob għalina kull darba li aħna nduru lejha bit-tama. Marija hija l-persuna li għoġbot lil Alla. Dik li kienet dejjem lesta li taqdi kull kmand minn tiegħu. Hi għalhekk per eċellenza l-Avukata tagħna u Omm Alla tagħna.

U inti ddur b’kunfidenza lejn Marija u titlobha bit-talba tant għal qalbha tar-Rużarju?

Fir-Rużarju Marija tiġi titlob miegħek l-istess kif għamlet mad-dixxipli f’Pentekoste. Marija hi dik li tiġi taqdi rwol tagħha t’omm fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna b’mod partikolari għaliex aħna lkoll għeżież għaliha.

Itlob …

Mulej Ġesu’ nduru lejk u filwaqt li nirringrazzjawk talli inti tajtna lil Marija bħala ommna u inti għedtilna biex inkunu bħat-tfal ċkejknin imma ma ċaħadtnix minn omm li tieħu ħsiebna, nitolbuk biex inti ddawrilna qalbna lejn din l-Omm tas-sema ħalli aħna nħobbuha kif ħabbejtha int stess.

Għażiża Marija int li int t-tama tiegħi jiena nikkonsagralek qalbi, ħajti, il-familja tiegħi dak kollu li jirrigwardani. Ħudni f’idejk Ma u għallimni dejjem nagħmel dak kollu li jgħidli Ġesu’. Grazzi Ma. Ammen.