240. Riflessjoni fuq Luqa 1: 39-45

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 1: 39-45

6-69398_with-every-good-wish-for-your-advent-initiatives

L-Evanġelju skont San Luqa 1: 39-45

[Lq:1:39] F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija.

[Lq:1:40] Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta.

[Lq:1:41] Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu;

[Lq:1:42] u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Mbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!

[Lq:1:43] U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi?

[Lq:1:44] Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ.

[Lq:1:45] Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti tagħraf il-preżenza tal-Mulej Ġesu’ fik u f’ħajtek?

Imbierek int jekk tara u tagħraf il-Mulej bl-għajnejn tal-fidi. Li tkun imbierek bil-grieg ‘makarjus’ ifisser li tkun mimli bil-ferħ. Il-kelma mbierek tiddeskrievi dak it-tip ta’ ferħ li jiġi mill-paċi f’qalbek li ħadd u xejn ma jista’ jiddisturba li hi rigal li ma jinbidilx u li ma jitħassarx għax dan il-ferħ u din il-paċi huma indipendenti minn kull bidla u bdil fiċ-ċirkustanzi tal-ħajja. Marija ngħatat il-barka li ssir Omm l-Iben t’Alla. Lilna wkoll il-Mulej irid jagħtina l-ferħ sopranaturali li bħal ma’ għamel fil-ħajja ta’ Marija jagħtina l-qawwa biex inkunu nistgħu nifilħu għal kull tip ta’ tiġrib li jġib niket u wġigħ. Dan il-ferħ ma jintemmx la f’din il-ħajja u lanqas wara din il-ħajja.

Inti lqajt u qiegħed tgħix b’dan il-ferħ fil-barka u l-paċi t’Alla li jkollok kemm -il darba inti tagħti ħajtek lil Alla b’fidi u b’fiduċja?

X’inhu s-sinifikat taż-żjara li Marija għamlet lil Eliżabetta qabel it-twelid ta’ Ġesu’?

F’din il-ġrajja l-Ispirtu t’Alla nnifsu li mela lil Eliżabetta u t-tarbija f’ġufha wara li kien diġa’ mela lil Marija u nisel lil Ġesu’ fiha jikxef veritajiet importanti ħafna għall-fidi tagħna l-Insara. Eliżabetta mnebbħa mill-Ispirtu s-Santu tistqarr li Marija hi tassew Omm Alla meta tgħidilha: ‘Minn fejn ġieni dan li Omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi?’ Mela l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu fina hi dik li jikxef il-verita’ t’Alla li aħna ma nkunux qed naraw għax limitati u diversi drabi għax l-intenzjonijiet tagħna ma jkunux retti fit-tfittxija tagħna t’Alla. Il-preżenza qawwija ta’ Marija b’ Ġesu’ fiha bħal f’Tabernaklu Ħaj hi li hi l-mudell perfett għalina ta’ fidi u ubbidjenza lejn Alla timla lil Eliżabetta u t-tarbija li kellha f’ġufha bl-Ispirtu s-Santu.

Tassew li Alla tana l-ispirtu tiegħu mhux għalina nfusna biss imma biex bil-ħajja qaddisa u viżibbli tagħna quddiem l-oħrajn inkunu mezz biex ħaddieħor jirċievi l-istess don tal-ispirtu li bih huwa wkoll ikun jista’ jgħix ħajja xierqa. Marija li fl-umilta’ tagħha ma marritx ixandar il-kobor tal-grazzji li rċeviet issa tiġi mfaħħra minn fomm Eliżabetta għal dak li hi u għal dak li għadha kif saret, imma l-Ispirtu s-Santu jkompli jikxef mhux biss il-barkiet u l-qdusija ta’ Marija, imma kif Marija ddawwar dan it-tifħir u l-unur li sarilha lejn Alla li minnu rċeviet kollox. Hi tinfexx tfaħħru bl-innu twil li hu mqanqal minn dak kollu li kienet tħobb u temmen. Iva dan l-innu jikxef x’kien hemm f’qalb Marija. Il-fomm inissel dak li hemm fil-qalb għalhekk Marija tagħti l-glorja kollha lil Alla meta tgħid; ‘Kull nisel isejjaħli hienja għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar.’ Mela fuq l-istess eżempju ta’ Marija f’qalbna għandu jkun hemm tifħir, gratitudni u fiduċja fil-wegħdiet kollha li Alla għamlilna.

Ħsieb għal Qalbek …

Ħaġa oħra li tinkixef f’dan ir-rakkont hi kemm Marija kienet attenta timmedita u titlob hi u tistudja l-Kotba Mqaddsa. Il-profeziji li tikkonferma li seħħew jew li għad iridu jseħħu huma bbażati fuq passaġġi mit-Testment il-qadim. Mela biex nitqawwew fil-fidi u ngħixu dan li jitlob minna Alla hemm bżonn li l-Bibbja ma tkunx il-ktieb ornamentali fid-djar tagħna, imma l-ktieb ta’ referenza u meditazzjoni li jdawwal it-triq ta’ ħajjitna.

U aħna kemm qed nagħmlu użu mill-Kelma t’Alla, mit-tagħlim tal-missirijiet tal-Knisja, tal-qaddisin u oħrajn li l-Knisja toffrilna biex jgħinnuna fil-mixja tagħna lejn Alla?

Itlob …

Għażiża Marija inti bħala ommna jinteressak minn kull wieħed u waħda minna b’mod personali u kif jixhdu d-dehriet kollha tiegħek fl-istorja tal-Knisja sa issa l-akbar xewqa tiegħek hi dik li nħalluk iżurna bl-istess mod kif inti mort iżur u taqdi lil Eliżabetta. Minn qalbi jiena ngħidlek: ‘Ejja Marija, ejja żurni, ejja itlob miegħi t-talba tant għal qalbek tar-Rużarju Mqaddes bl-istess mod kif inti kont titlob mal-Appostli fiċ-Ċenaklu. Ejja itlob miegħi biex miegħek u bħalek jiena nirċievi d-don tal-Ispirtu s-Santu li jgħarrafni min jien u xi skop għandu Alla għal ħajti li jgħarrafni wkoll min int inti, Omm l-Iben t’Alla u ommna lkoll għax hu tak għalina lkoll. O Ġesu’ agħtini qalbek għax irid inħobb lil Madonna bħal ma’ ħabbejtha int. Ammen.