237. Riflessjoni fuq Luqa 7: 19-23

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 7: 19-23

master-of-astorga-st.-john-the-baptist-visited-in-prison

L-Evanġelju skont San Luqa 7: 19-23

[Lq:7:19] u bagħathom għand il-Mulej biex jistaqsuh: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?”

[Lq:7:20] Kif dawk it-tnejn waslu ħdejh qalulu: “Ġwanni l-Battista bagħatna għandek biex nistaqsuk: Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?”

[Lq:7:21] Dak il-ħin stess Ġesù fejjaq ħafna nies mill-mard, mit-tbatijiet u mill-ispirti ħżiena, u lil bosta għomja għoġbu jagħtihom id-dawl.

[Lq:7:22] Mbagħad wieġeb u qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li rajtu u smajtu; kif l-għomja qegħdin jerġgħu jaraw, z-zopop jimxu, l-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, u kif il-bxara t-tajba qiegħda tixxandar lill-fqar.

[Lq:7:23] Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija!”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Kif nistgħu nkunu nafu li Ġesu’ hu dak li jistqarr li hu l-Iben t’Alla, il-Messija u s-Salvatur tad-dinja? Il-fidi tagħna hi pass fid-dlam li aħna għandna nieħdu mingħajr ma jkonna ċertezza jew prova?

Ġwanni l-Battista jibgħat id-dixxipli tiegħu biex jistaqsu lil Ġesu’ dwar l-istqarrija tiegħu tal-Iben t’Alla l-Messija. Ġwanni kellu xi dubju dwar Ġesu’ jew l-istqarrija Divina tiegħu? Ma jidhirx li hu hekk għaliex Ġwanni rrevela l-missjoni ta’ Ġesu’ fix-xmara Ġordan meta stqarr dwaru: ‘Araw il-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.’ Fi Ġwanni kapitlu 1 vers 29. Ġwanni ra mill-bogħod dak li Ġesu’ kien se jwettaq bil-mewt tiegħu fuq is-salib. Is-Salvazzjoni tagħna mill-iskjavitu’ tad-dnub u tal-mewt u l-adozzjoni tagħna bħala wlied Alla u ċittadin tas-Saltna tas-sema.

Huwa probabbli li Ġwanni bgħatt lid-dixxipli tiegħu għand Ġesu’ biex huma jkunu jistgħu jaraw personalment dak li Ġesu’ dak li kien qiegħed iwettaq is-sinjali u l-prova li hu kien tassew il-Messija li kellu jiġi fil-persuna ta’ Ġesu’. Il-mirakli li Ġesu’ wettaq u l-messaġġ tiegħu dwar is-Saltna t’Alla wettaq b’mod dirett dak li l-profeti kienu ħabbru sa minn żmien qabel. Isaija pprofetizza li l-Messija kellu jiġi bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biex jeħles lil dawk li kienu oppressi mid-dnub u mill-ħażen. Dan insibuh f’Isaija kapitlu 61 versi minn 1 sa 2. Ġesu’ ġie biex jeħles lill-poplu tiegħu mill-akbar u l-aħrax tirannija possibli. It-tirannija tal-iskjavitu’ tad-dnub u l-biża’ mill-mewt u tad-distruzzjoni kemm dik tal-ġisem kif ukoll tar-ruħ. Il-qawwa t’Alla biss tista’ teħlisna mill-vojt u l-faqar tal-Ispirtu, mill-konfużjoni u milli nkunu żbaljati u mill-biża’ tal-mewt u in-nuqqas ta’ tama. Il-Vanġelu tas-Salvazzjoni huwa bxara tajba għalina llum.

U inti dduq il-ferħ u l-liberta’ tal-Evanġelju f’ħajtek?

Itlob …

Mulej Ġesu’ bik twettqu l-wegħdiet kollha u t-tamiet u x-xewqat tagħna. Agħtini l-Ispirtu qaddis tiegħek biex iġib f’qalbi l-grazzja, il-verita’ u l-ħajja tiegħek.

Ħelwa Marija omm għażiża tiegħi, agħmel li jiena bħalek mhux biss inkun attent għall-Kelma t’Ibnek imma nkun attent biex inwettaqha sa fid-dettal tagħha fil-ħajja kollha tiegħi, agħmel li b’dan jiena nkun ta’ xhieda għal dawk ta’ madwari. Ammen.