236. Riflessjoni fuq Mattew 21: 23-27

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 21: 23-27

christ-and-the-chief-priests

L-Evanġelju skont San Mattew 21: 23-27

[Mt:21:23] F’dak iż-żmien, Ġesu daħal fit-tempju, u, waqt li kien qiegħed jgħallem, resqu fuqu l-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu u qalulu: “Int b’liema setgħa qiegħed tagħmel dan kollu? U min tahielek din is-setgħa?”

[Mt:21:24] U Ġesù qalilhom: “Ħa nagħmlilkom mistoqsija waħda jien ukoll: jekk tweġbuni għaliha, jien ukoll ngħidilkom b’liema setgħa qiegħed nagħmel dan kollu.

[Mt:21:25] Il-magħmudija ta’ Ġwanni minn fejn kienet ġejja, mis-sema jew mill-bnedmin?” Dawk bdew jirraġunaw bejniethom u jgħidu: “Jekk inweġbuh, ‘Mis-sema,’ jgħidilna, ‘Mela għaliex ma emmintux?’

[Mt:21:26] U jekk ngħidulu, ‘Mill-bnedmin,’ nibżgħu min-nies, għax lil Ġwanni kulħadd iżommu bi profeta.”

[Mt:21:27] Mbagħad wieġbu lil Ġesù u qalulu: “Ma nafux.” U hu qalilhom: “Mela anqas jiena ma ngħidilkom b’liema setgħa qiegħed nagħmel dan.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti lest tixhed għall-verita’ akkost ta’ kollox? Akkost ta’ kull sagrifiċċju? Jew tfittex it-triq il-faċli?

Ġesu’ qal lid-dixxipli tiegħu li l-verita’ teħlishom. Il-mexxejja reliġjużi ta’ dak iż-żmien opponew lil Ġesu’ u lill-verita’ li kien ixandar. Tgħid għaliex? Forsi għax beżgħu min nies? Jew beżgħu jagħtu tifħir lil Alla u jixhdu għall-verita’? Il-miġja tas-Saltna t’Alla fuq l-art b’mod inevitabbli tipproduċi konflitt. Konflitt bejn ir-rieda t’Alla u r-rieda tiegħi. It-triq tal-imħabba u l-ġustizzja għat-triq tad-dinja. Il-verita’ morali t’Alla mal-verita’ li dejjem tinbidel tiegħi jew tan-nies ta’ madwari.

Għaliex il-mexxejja reliġjużi opponew lil Ġesu’ u rriġettaw l-istqarrija tal-awtorita’ Divina tiegħu?

Il-viżjoni tagħhom ta’ reliġjon ma kinitx taqbel mal-Kelma t’Alla għaliex qalbhom kienet tfittex biss il-qligħ personali milli l-verita’ u s-sottomissjoni għall-pjan t’Alla u l-pjan tiegħu għal ħajjithom.

Ħsieb għal Qalbek …

B’mod miftuħ il-mexxejja reliġjużi staqsew lil Ġesu’ anzi riedu mingħand Ġesu’ xi sinjal li jurihom biċ-ċar li hu kellu l-awtorita’ ta’ Messija. Li kieku Ġesu’ qal li l-awtorita’ tiegħu kienet Divina jiġifieri mis-sema huma kienu jakkużawh li kien qed jigdeb jew li kien qed jidgħi. Li kieku dan għamlu minn jeddu huma setgħu wkoll ikollhom provi biżżejjed biex jarrestawh bħala dak li qed jagħmel ħafna ħsara.

Ġesu’ li għaraf il-pjan tagħhom biex jaqbduh f’nassa jpoġġilhom mistoqsija biex jagħmel ir-risposta tagħha kundizzjoni għar-risposta tiegħu. Li kieku aċċettaw il-ħidma ta’ Ġwanni bħala waħda Divina huma kienu riedu jaċċettaw ukoll lil Ġesu’ bħala l-Messija għaliex Ġwanni ġie propju biex ixandar lilu. Għalhekk huma ħarbu mill-mistoqsija għax ma kienux lesti li jaffaċċaw il-verita’. Huma m’aċċettawx lill-Battista u lanqas riedu jaċċettaw lil Ġesu’ bħala l-Messija tagħhom.

U inti aċettajtu lil Ġesu’ f’ħajtek jew aħjar qiegħda tgħix jew qiegħed tgħix skont it-tagħlim tiegħu?

Itlob …

Mulej Ġesu’ inti t-Triq, il-Verita’ u l-Ħajja. Agħmel li d-dawl tiegħek jiddi f’qalbi u f’moħħi ħalli jiena nagħraf dejjem iżjed il-verita’ tiegħek bħala l-unika triq li fuqha għandi nfassal ħajti.

Għażiża Marija int li mhux biss smajt mill-Kelma t’Ibnek imma wettaqtha bil-ħajja kollha tiegħek itlob għalija biex jiena wkoll nagħraf dejjem iżjed ir-rieda t’Alla f’ħajti u nsib il-ferħ u l-liberta’ filwaqt li jien inwettaqha. Ammen.