235. Riflessjoni fuq Mattew 17: 10-13

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 17: 10-13

Jesus_the_Bread_of_Life-John_6_22_-_51a

L-Evanġelju skont San Mattew 17: 10-13

[Mt:17:10] Fdak iż-żmien, id-dixxipli ta Ġesu staqsewh: “Mela kif jgħidu l-kittieba li l-ewwel għandu jiġi Elija?”

[Mt:17:11] Hu weġibhom: “Elija jiġi, iva, u jerġa’ jqiegħed kollox f’postu.

[Mt:17:12] Imma ngħidilkom: Elija ġa ġie, u huma baqgħu ma għarfuhx, imma ġiebu ruħhom miegħu kif għoġobhom. Hekk ukoll Bin il-bniedem għandu jsofri minnhom.”

[Mt:17:13] Imbagħad id-dixxipli fehmu li hu kien qiegħed jgħidilhom għal Ġwanni l-Battista.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Alla jagħti sinjali biex juri dak illi għandu jiġri. Ġwanni l-Battista kien wieħed minn dawn is-sinjali li jipponta lejn Ġesu’ u li pprepara għall-miġja tiegħu. Ġwanni wettaq il-ħidma essenzjali tal-profeti kollha li hi dik li juru lil Kristu. Ġwanni huwa l-aħħar u l-akbar profeta tas-saltna l-qadima li nsibu fit-Testment il-Qadim.

Il-Lhud kienu jistennew li meta il-Messija jkun se jiġi Elija jidher fuq l-art biex ixandar il-preżenza tiegħu. Ġwanni jimla l-irwol t’Elija billi jipprepara t-triq għal Kristu permezz tal-predikazzjoni tiegħu tal-Magħmudija, tal-indiema u tat-tiġdid.

Ħsieb għal Qalbek …

Bħala qaddejja t’Alla li qegħdin nistennew bil-ħerqa t-tieni miġja tal-Mulej aħna wkoll imsejħa biex nippreparaw għal din il-miġja billi nitbegħdu mill-ħajja tad-dnub u nżommu ‘l bogħod kulma jista’ jfixkilna milli nwettqu r-rieda t’Alla f’ħajjitna.

U inti ħerqan biex tagħmel ir-rieda t’Alla u ppreparat biex tiltaqa’ mal-Mulej Ġesu’ meta jerġa’ jiġi fil-glorja tiegħu?

Itlob …

Mulej Ġesu’ agħmel illi jien mhux biss nisma’ Kelmtek imma ngħixha u nxandarha l-istess kif għamlu l-profeti mqaddsa tiegħek.

Għażiża Marija kun int id-dawl u l-kewkba tiegħi li twassalni għand Ibnek Ġesu’. Int li dejjem ippuntajt lejh u dejjem għedtilna: ‘Agħmlu dak li jgħidilkom Hu.’ Ma, għenni nagħmel dejjem dak li jgħidli hu u mhux dak li naħseb jien jew dak li tgħidli d-dinja. Grazzi Ma. Ammen.