228. Riflessjoni fuq Mattew 9: 27-31

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 9: 27-31

unnamed

L-Evanġelju skont San Mattew 9: 27-31

[Mt:9:27] Fdak iż-żmien, waqt li Ġesù kien għaddej minn hemm marru warajh żewġ għomja jgħajjtu u jgħidu: “Bin David, ħenn għalina!”

[Mt:9:28] Meta mbagħad daħal id-dar, l-għomja resqu lejh u Ġesù qalilhom: “Temmnu intom li jien nista’ nagħmlu dan?” Qalulu: “Iva, Mulej.”

[Mt:9:29] Mbagħad messilhom għajnejhom u qal: “Mela ħa jsirilkom skond il-fidi tagħkom.”

[Mt:9:30] U għajnejhom infetħulhom. Ġesù widdibhom bis-sħiħ u qalilhom: “Qisu li ħadd ma jsir jaf b’dan.”

[Mt:9:31] Iżda dawk ħarġu u bdew ixerrdu l-fama tiegħu ma’ dak il-pajjiż kollu.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Ġesu’ jpoġġi mistoqsija lit-tallaba għomja. ‘Xi triduni nagħmlilkom?’

Ġesu’ ried jgħaddihom minn prova biex iħeġġeġ il-ħerqa u l-fiduċja tagħhom fil-qawwa tiegħu. Il-fidi tagħhom kibret hekk kif huwa wieġbu għall-Kelma ta’ Ġesu’ bit-tama u bil-kunfidenza. Ġesu’ tahom lura d-dawl kemm dak fiżiku kif ukoll dak spiritwali għar-realta’ tas-Saltna tiegħu.

Il-fidi tiftħilna triq biex naraw il-qawwa tas-Saltna t’Alla u biex f’ħajjitna nesperjenzaw il-preżenza tiegħu li tfejjaqna. Il-kelma ħniena letteralment tfisser sobgħa tal-qalb, imma l-ħniena hi aktar milli wieħed iħoss jew jisgħobbih għall-qada ħażina li jkun fiha ħaddieħor. Il-ħniena tmur ‘l hinn mis-sobgħa li tneħħi s-sofferenza. Persuna ħanina taqsam fil-qada mwiergħa u sofferenti ta’ ħaddieħor daqs li kieku kienet tagħha stess.

F’Ġesu’ naraw il-milja tal-ħniena t’Alla u l-qawwa tas-Saltna tiegħu. Qawwa li ssalvana mill-mewt u mid-distruzzjoni li taħfer id-dnubiet u li tgħolli t-toqol tal-ħtija u li tfejjaq in-nuqqas ta’ saħħa u teħles lill-oppressi. Ġesu’ qatt ma jirrifjuta li jġib il-ħniena t’Alla lil dawk li l-aktar ifittxuha bil-ħerqa.

Ħsieb għal Qalbek …

Kif nistgħu nfittxu u naqilgħu l-ħniena t’Alla?

Alla jagħti ħniena lil dawk ta’ qalb umli. Dawk li jagħrfu l-bżonn tagħhom t’Alla u l-ħniena tiegħu kif ukoll tal-qawwa tal-fejqan. Il-fidi hi don li Alla jagħtina bla ħlas biex tgħinna nagħrfu lil Alla b’mod personali biex nifhmu l-verita’ tiegħu  u biex ngħixu fil-qawwa ta’ mħabbtu. Biex il-fidi tkun effettiva trid tkun magħquda mal-fiduċja u l-ubbidjenza, sottomissjoni attiva lejn Alla u r-rieda soda li tagħmel dak kollu li hu jikkmanda.

Int tagħraf il-bżonn għal Alla? Għal grazzja tiegħu li tfejqek? U tfittex lil Ġesu’ bl-istess mod kif fittxewh it-tallaba għomja bil-persistenza tal-fidi u b’fiduċja fit-tjieba u l-ħniena tiegħu?

Itlob …

Mulej għenni nersaq lejk b’kunfidenza u fiduċja fil-qawwa u l-ħniena tiegħek li ssalvani.

Għażiża Marija, Omm il-ħniena; itlob għalija biex nħalli lil Ibnek jeħlisni mid-dubji u n-nuqqas ta’ twemmin ħalli nersaq lejh b’kunfidenza u nitlob b’insistenza u bil-fidi li jrid jara fija. Għenni Ma biex miegħek b’mod speċjali bit-talba tar-Rużarju, it-talba li fiha nimmedita l-misteri tal-Vanġelu nitlob biex is-Saltna t’Alla sseħħ f’ħajti, f’ta’ madwari u anke biex nintrabat dejjem mar-rieda mqaddsa tiegħu, bl-istess mod kif għamilt inti. Grazzi Ma. Grazzi Ġesu’.  Ammen.