227. Riflessjoni fuq Mattew 7: 21, 24-27

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 7: 21, 24-27

matthew-7-vs-24-27

L-Evanġelju skont San Mattew 7: 21, 24-27

[Mt:7:21] Fdak iż-żmien Ġesu qal lid-dixxipli tiegħu: “Mhux kull min jgħidli, ‘Mulej, Mulej’, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet!

[Mt:7:24] “Għalhekk, kull min jisma’ dan kliemi u jagħmel li qiegħed ngħid jien, isir jixbah lil bniedem għaqli li bena daru fuq il-blat.

[Mt:7:25] Niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, iżda ma ġġarrfitx għax kellha s-sisien tagħha fuq il-blat.

[Mt:7:26] Imma kull min jisma’ dan kliemi u ma jagħmilx li qiegħed ngħid jien, isir jixbah lil bniedem iblah li bena daru fuq ir-ramel.

[Mt:7:27] Niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, u ġġarrfet; u kbira kienet il-qerda tagħha.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Li kieku wieħed kellu jkun avżat minn qabel b’xi diżastru li jkun se jseħħ wieħed ikun ipreparat kif ngħidu bil-malti: ‘Bniedem avżat nofsu armat.’ Meta Ġesu’ qal din l-istorja probabbilment kellu f’moħħu il-ktieb tal-Proverbji kapitlu 10 vers 25 li jgħid: ‘ Tgħaddi t-tempesta u jgħib il-ħażin imma l-ġust jibqa’ fis-sod għal dejjem.’  X’sinifikat għandna din l-istorja għalina?

It-tip ta’ pedament li fuqu nibnu l-ħajja tagħna jiddetermina jekk inkunux nifilħu għat-tempesti li jiġu fuqna. Ħafna drabi l-bennejja jibnu l-pedament tad-djar meta t-temp u l-art ikunu fl-aħjar kundizzjonijiet. Trid tkun għaref, ta’ ħsieb u għaqli biex tkun taf li l-pedament se jibqa’ sod anke meta affaċċjat ma’ diversi kundizzjonijiet. Bl-istess mod il-karattru tagħna sod jew le juri ruħu fl-għażliet li aħna nagħmlu speċjalment meta jkollna nagħżlu bejn dak li hu veru u dak li hu falz, bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin.

Ħsieb għal Qalbek …

Int tqarraq jekk ikollok iċ-ċans li tqarraq u tara li forsi b’hekk se tiġik tajba?

Int tigdeb jew turi wiċċ b’ieħor meta affaċċjat ma’ sitwazzjoni mbarazzanti u li tkun se tikkawżalek uġigħ?

Persuna vera hi dik onesta’ u affidabbli quddiem Alla, quddiem il-proxxmu u magħha nnfisha. X’inhu li jżommna l-bogħod milli ngħixu ħajja falza u li tispiċċa b’mod diżastruż?

Jekk nagħmlu l-Mulej u l-Kelma tiegħu l-blata u l-pedament tal-ħajja tagħna, allura xejn ma jkun jista’ jċaqlaqna jew iżommna l-bogħod milli nesperjenzaw il-preżenza u l-għajnuna t’Alla.

Huwa l-Mulej u l-Kelma tiegħu l-pedament sod tal-ħajja tiegħek?

Itlob …

Mulej int l-uniku pedament li jibqa’ sod anke f’mumenti ta’ tiġrib u meta mhedded b’diżastru. Agħtini l-għerf, l-għaqal u karattru sod li neħtieġ biex nagħmel dak li hu veru u tajjeb u nwarrab dak li hu falz u kuntrarju għar-rieda mqaddsa tiegħek ħa nkun dak li ngħix il-Kelma tiegħek u mhux biss dak li nismagħha. Ammen.