226. Riflessjoni fuq Mattew 15: 29-37

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 15: 29-37

BREAD

L-Evanġelju skont San Mattew 15: 29-37

[Mt:15:29] Fdak iż-żmien, Ġesù mar ħdejn il-baħar tal-Galilija; tala’ fuq l-għolja u qagħad bilqiegħda hemm.

[Mt:15:30] U bdew resqin lejh ġemgħat kbar ta’ nies, li kellhom magħhom zopop, għomja, mmankati, mbikkmin, u ħafna oħrajn; qegħduhomlu f’riġlejh, u hu fejjaqhom,

[Mt:15:31] hekk li n-nies kollha baqgħu mistagħġba meta raw l-imbikkmin jitkellmu, l-immankati qawwijin u sħaħ, iz-zopop jimxu u l-għomja jaraw; u bdew jagħtu glorja lil Alla ta’ Iżrael.

[Mt:15:32] Ġesù sejjaħ lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Nitħassarhom lil dawn in-nies, għax ġa ilhom tlitt ijiem miegħi u ma għandhom xejn x’jieklu. Ma rridx inħallihom imorru sajmin, li ma jmurx iħosshom ħażin fit-triq.”

[Mt:15:33] Qalulu d-dixxipli: “F’deżert bħal dan minn fejn se nġibu ħobż biżżejjed biex inxebbgħu kotra hekk kbira?”

[Mt:15:34] “Xi kemm għandkom ħobż?” staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Sebgħa, u xi ftit ħut żgħir.”

[Mt:15:35] Mbagħad qal lin-nies kollha jinxteħtu bilqiegħda fl-art,

[Mt:15:36] ħa s-seba’ ħobżiet u l-ħut, radd il-ħajr, qasamhom u tahom lid-dixxipli, u d-dixxipli newwluhom lin-nies.

[Mt:15:37] U kulħadd kiel u xaba’; u ġabru l-bċejjeċ li fadal, sebat iqfief mimlija.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Hemm xi ħaġa f’din id-dinja li verament tista’ taqtagħlna l-ġuħ u l-għatx profond li aħna nesperjenzaw?

Folla kbira ta’ nies inġabru biex jisimgħu lil Ġesu’ bla dubju għax kellhom il-ġuħ għall-Kelma tal-Ħajja. Meta sar filgħaxija d-dixxipli ta’ Ġesu’ riedu jibgħatuhom lura lejn djarhom għax huma ma kellhomx ir-riżorsi biex jitimgħuhom. Huma kkummentaw ukoll li li kieku kellhom jonfqu l-flus biex jixtru x’jieklu lil dik il-folla kbira kienu jridu jonfqu tal-inqas paga ta’ sitt xhur. Ġesu’ l-Ħobż tal-Ħajja ħa l-ftit li kellhom ħames ħobżiet u żewġ ħutiet u wara li radd ħajr lil Missieru tas-sema qasmu lil kulħadd sakemm kielu u xebgħu.

Il-Mulej dejjem hekk jimxi magħna. Ikun iridna nagħtuh il-ftit tagħna bil-fidi u l-fiduċja fih li Hu kapaċi jimmultiplikah għall-ġid tal-oħrajn.

Ħsieb għal Qalbek …

Il-Miraklu ta’ Ġesu’ li jitma’ l-ħames t’elef raġel huwa l-uniku wieħed irrakkuntat fl-erba’ Evanġeli.

X’inhu s-sinifikat ta’ dan il-Miraklu?

Dan il-Miraklu fakkar lill-poplu fil-Providenza t’Alla meta temgħahom fid-deżert. Meta kienu taħt it-tmexxija ta’ Mose’. Dawn meta qabadhom il-ġuħ Alla bagħatilhom il-manna x’jieklu. Dan l-ikel kien bi tħejjija għall-veru Ħobż li jinżel mis-sema kuljum fuq l-altari tagħna, li hu Ġesu’ nnifsu. Hu l-uniku li jissodisfa l-ġuħ spiritwali tagħna u min jiekol minn dan ma jmut qatt imma jgħix b’Ġesu’ għall-eternita’.

Inti tersaq lejn Ġesu’ biex tagħtih il-ftit tiegħek b’fiduċja li hu bih se jibdel il-ħajja tiegħek u tal-oħrajn?

Ġesu’ l-Ħobż Ħaj li jinżel kuljum f’kull Quddiesa li titqaddes jiġi biex ikun il-Ħobż li jgħajjex lilna lkoll.

Qiegħed tersaq b’qalb safja biex tirċievieh jew tħallih jistenna waħdu fit-Tabernaklu tal-Knejjes tagħna?

Itlob …

Mulej, Int tissodisfa x-xewqat l-aktar profondi tal-qlub tagħna billi titmagħna bik innifsek fl-Ewkaristija Mqaddsa. Imlieni bil-gratitudni u agħtini qalb ġeneruża biex nagħmel ħin għalik biex nipprepara bil-Qrar u niġi niltaqa’ miegħek fil-Quddiesa u t-Tqarbina, anki dik ta’ kuljum. Agħmel li nkun ukoll ta’ xhieda għal ta’ madwari biex huma wkoll jiġu jduqu mill-benna li Int biss taf tagħti, l-benna tiegħek innifsek. Ammen.