222. Riflessjoni fuq Luqa 21: 34-36

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 21: 34-36

luke-21-vs-34-36

L-Evanġelju skont San Luqa 21: 34-36

[Lq:21:34] Fdak iż-żmien, Ġesu qal: “Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewwtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għal għarrieda.

[Lq:21:35] Għax hu Jum li għad jaqa’ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha.

[Lq:21:36] Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kull ma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Hemm xi ħaġa f’ħajtek li żżommok lura milli tirċievi l-ferħ u l-liberta’ li l-Mulej joffrilek?

Alla jrid li qlubna jkunu għalih u għas-Saltna tiegħu, imma qlubna ġieli jkunu mtaqqla b’ħafna preokkupazjonijiet u bid-dnub. Ġesu’ joffrilna l-liberta’ vera. Il-liberta’ mill-qawwa tad-dnub u mill-ħela. Il-ħela tagħna nfusna fuq affarijiet li mhumiex neċċessarji u li jbegħduna minn Alla. Ġesu’ joffrilna l-liberta’ mill-qawwa tal-vizzji u mill-iskjavitu’ tal-passjonijiet tagħna. Milli nagħmlu l-ikel, ix-xorb u affarijiet oħra bħala sidien tagħna minflok bħala l-qaddejja tagħna u Ġesu’ joffrilna l-liberta’ mill-qawwa tal-ansjetajiet u l-inkwiet żejjed li jipparalizzawna. Li nkunu mimlijin bil-biża’ minflok imħeġġa bl-imħabba t’Alla.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ jwissina dwar it-tentazzjoni li aħna naqgħu lura, li nitbegħdu mit-triq jew li norqdu l-irqad spiritwali. Huwa vera faċli li aħna ninqabdu u nkunu mheddija f’ħafna affarijiet tal-mument preżenti u li nitaqlu b’ħafna nkwiet. Il-Mulej jaf bin-nuqqasijiet u l-isforzi tagħna kollha. Hu jagħtina l-grazjza biex aħna nġorru s-slaleb tagħna u nimxu warajh fit-triq tal-qdusija. Imma hemm ħaġa waħda li hu ma jittollerax l-indifferenza jew li nkunu passivi meta aħna għandna nfittxuh b’qalbna kollha u l-attitudni tagħna li aħna ma nagħtux kas jew li ma nagħmlu xejn. Alla jistenna ħafna minn għandna. Jistenna dak li aħna ma nistgħux nagħmlu mingħajr l-għajnuna tiegħu. Il-grazzja tiegħu hi biżżejjed. Hu jistenna minna li nkunu attenti għall-miġja tiegħu f’kull ħin. Li nitolbu b’mod speċjali għall-qawwa biex nipperseveraw fil-fidi, li ngħaddu minn provi li jiġuna u li naħarbu kull tentazzjoni ta’ dnub speċjalment tal-apostasija jiġifieri li aħna niċħdu lil Kristu minħabba l-biża’ jew is-suppervja. Alla huwa dejjem lest li jimliena bil-grazzja u bil-qawwa tiegħu.

U qalbek tixxennaq għal Alla jew hija mtaqqla b’ħafna affarijiet oħra?

Itlob …

Mulej imliena b’tant u tant affarijiet tajba li jiġu minnek. Imla lil qalbi bl-imħabba, bil-paċi, bil-ferħ u bis-sewwa tas-Saltna tiegħek.

Għażiża Marija, omm ħelwa tiegħi; itlob miegħi u għalija biex qalbi titħeġġeġ bin-nar tal-Ispirtu s-Santu ħalli jien nixxennaq dejjem iżjed għas-Saltna t’Ibnek u għall-miġja tiegħu fl-aħħar jum. Ammen.