220. Riflessjoni fuq Luqa 21: 20-28

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 21: 20-28

Christs_return_s640x480

L-Evanġelju skont San Luqa 21: 20-28

[Lq:21:20] Fdak iż-żmien, Ġesu qal lid-dixxipli tiegħu: “Meta mbagħad taraw lil Ġerusalemm magħluqa minn kullimkien bl-eżerċti, tkunu tafu li l-qerda tagħha tkun waslet.

[Lq:21:21] Ħa jaħarbu mbagħad lejn il-muntanji dawk li jkunu fil-Lhudija u jitbiegħdu minnha dawk li jkunu ġo nofsha, u ma jerġgħux lura fiha dawk li jkunu fir-raba’;

[Lq:21:22] għax dawk ikunu jiem il-kastig li fihom iseħħ kull ma hemm miktub.

[Lq:21:23] Jaħasra għalihom in-nisa li f’dawk il-jiem ikunu tqal jew ireddgħu! Għax hemm kbir jaqa’ fuq il-pajjiż, u korla fuq dan il-poplu.

[Lq:21:24] In-nies jaqgħu taħt il-qilla tas-sejf, u jittieħdu lsiera fost il-pagani kollha; u Ġerusalemm tibqa’ tintrifes taħt saqajn il-ġnus sa ma jkun għadda żmien il-ġnus.

[Lq:21:25] “U jkun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b’qalbhom ittaqtaq, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u ta’ l-imwieġ;

[Lq:21:26] in-nies ruħhom ħierġa bil-biża’ billi jobsru x’ikun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu.

[Lq:21:27] Mbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b’qawwa u glorja kbira.

[Lq:21:28] Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti temmen li d-dinja kif nafuha llum se tispiċċa hekk kif Ġesu’ qalilna?

Ġesu’ jwissi lil dawk li kienu joqgħodu Ġerusalemm dwar id-distruzzjoni tagħha minħabba li hi rrifjutat il-Vanġelu. Ġesu’ jitkellem ukoll dwar il-ġudizzju fl-aħħar tad-dinja. Huwa biss il-agħma spiritwali li jżommna milli nagħrfu s-sinjali ovji tad-diżastru li ġej f’jum il-ġudizzju għal dawk li rrifjutaw li jagħtu widen għall-Kelma t’Alla li ssalvana u għall-grazzja tiegħu. Ġesu’ kien onest b’mod komplet u qal lid-dixxipli dak li kellhom iħallsu biex jimxu warajh. Minkejja li l-prezz huwa kbir hu wiegħed li qatt ma jitlaqhom waħedhom imma li jkun dejjem magħhom fiż-żmien tat-tribulazzjonijiet. Il-qaddisin u l-martri li għaddew minn turmenti u anke minn mewt għamlu l-ħabsijiet tagħhom Tempju ta’ tifħir minn fejn kienu jfaħħru lil Alla u l-irbit tagħhom tron għall-glorja t’Alla. Huma kienu jafu li l-preżenza ta’ Kristu fosthom kienet dejjem f’kull ċirkustanza magħhom biex isalvahom. Ġesu’ joffrilna s-sigurta’ meta aħna affaċċati mat-theddid ta’ din id-dinja. F’Luqa kapitlu 21 vers 18 Ġesu’ jgħid: ‘Lanqas xagħarha minn raskom ma tintilef.’ Id-dixxiplu li jimxi wara Kristu jista’ jitlef ġismu , imma mhux ruħu.

Ħsieb għal Qalbek …

L-akbar don li għalih għandna nkunu grati u li għandna nirringrazzjaw lil Alla tiegħu hu s-Salvazzjoni u l-Adozzjoni tagħna bħala wliedu. Għandna nirringrazzjawh għaliex it-tama hi kollha fil-ġenna u fil-wegħda li Ġesu’ għad jerġa’ jiġi biex jistabbilixxi b’mod sħiħ is-Saltna tiegħu tal-paċi u tas-sewwa.

Ġesu’ jitkellem dwar it-tieni miġja bħala fatt magħruf. Bħala avveniment ċert li għandna nistennew li jseħħ. Din l-miġja se tkun immarkata b’sinjali li kulħadd se jagħraf. Sinjali li se jwerwru lil dawk li ma jkunux ippreparati u jimlew bil-għaġeb ‘il dawk li jkunu lesti biex jiltaqgħu mall-Mulej. Meta l-Mulej jerġa’ jiġi hu jistabbilixxi l-ġustizzja u s-sewwa u jagħti l-ħlas mistħoqq lil kull min qdieh tajjeb. Il-ġudizzju tiegħu huwa sinjal ta’ tama għal dawk li jafdaw fih.

U inti tittama f’Alla u fil-wegħda tiegħu li jerġa’ jiġi u jistabbilixxi s-Saltna tiegħu fuq l-art kollha?

Itlob …

Mulej imlieni bil-gratitudni għad-don tiegħek tas-Salvazzjoni u kabbar fija t-tama u x-xewqa li jien narak tiġi fil-glorja. Agħmel li dan il-jum iġib f’qalbi ferħ kbir u mhux dwejjaq.

Għażiża Marija, Sultana tal-Ħolqien kollu għenni ħalli jien nibqa’ nservi sal-aħħar lil Ibnek b’fedelta’ u biex nagħmel użu tajjeb tal-ħin li qed jiġi misluf lili qabel it-tieni miġja tiegħu. Ammen.