219. Riflessjoni fuq Luqa 21: 12-19

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 21: 12-19

Luke 21 12-19

L-Evanġelju skont San Luqa 21: 12-19

[Lq:21:12] Fdak iż-żmien, Ġesu qal lid-dixxipli tiegħu: “Imma qabel dan kollu jixħtu idejhom fuqkom u jippersegwitawkom, jagħtukom f’idejn il-mexxejja tas-sinagoga u jitfgħukom il-ħabs, u jeħdukom quddiem slaten u gvernaturi minħabba f’ismi.

[Lq:21:13] Dan ikun jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda.

[Lq:21:14] U żommu sewwa f’moħħkom: toqogħdux taħsbu minn qabel kif se tiddefendu ruħkom,

[Lq:21:15] għax jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu jew imerih.

[Lq:21:16] U jittradukom saħansitra l-ġenituri tagħkom u ħutkom u qrabatkom u ħbiebkom, u lil xi wħud minnkom joqtluhom,

[Lq:21:17] u kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi.

[Lq:21:18] Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx.

[Lq:21:19] Jekk tibqgħu sħaħ sa l-aħħar issalvaw ħajjitkom!”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti lest li ssofri u jekk ikun hemm bżonn ixerred demmek għall-fidi tiegħek?

Ir-reliġjon Nisranija hija r-reliġjon tal-martri. Il-ktieb tal-Apokalissi kapitlu 1 vers 5 jgħid: ‘ Ġesu’ kien ix-xhud fidil li ħelisna minn dnubietna bis-saħħa ta’ demmu.’ Tertuljan avukat tat-tieni seklu kkonverta lejn ir-reliġjon Nisranija meta ra l-Insara jkantaw huma u sejrin biex jieħdu l-martirju. Hu stqarr d-demm tal-martri huwa żerriegħa.’ Id-demm tagħhom huwa żerriegħa għall-Insara ġodda, iż-żerriegħa tal-Knisja.

Ċiprijan isqof tat-tielet seklu qal: ‘Meta l-persekuzzjoni tiġi s-suldati t’Alla huma mgħoddijin minn prova u l-ġenna tinfetaħ għall-martri.’ Ma nistgħux ineħħu mil-lista’ l-armata li taħseb fil-paċi u tiċħad milli tikkumbatti għaliex naraw kif il-Mulej ħa post quddiem fil-konflitt. Wistin jikteb: ‘Il-martri kienu marbuta, mitfugħa l-ħabs, iflaġellati, maħruqa, imqatta’ biċċiet u fl-istess waqt kienu jiżdiedu u jiżdiedu.

Għaliex kien dan il-kas?

Il-martri taw xhieda tal-ferħ, tal-verita’ u tal-liberta’ tal-Evanġelju b’ħajjithom, bit-testimonjanza tagħhom u billi xerrdu demmhom.

Ħsieb għal Qalbek …

Alla jista’ jsejjaħ lil xi wħud minna biex jieħdu l-martirju, imma l-aktar fostna għandna ngħixu l-martirju ta’ kuljum billi nkunu ta’ xhieda għall-ferħ tal-Evanġelju meta affaċċjati bl-isfidi tagħna ta’ kuljum, bil-kontradizzjonijiet, mit-tentazzjonijiet u dak kollu li naraw ġej kontrina meta aħna qed nippruvaw nimxu wara l-Mulej.

X’jattira lill-oħrajn għall-Evanġelju?

Jattirahom propju l-mod kif jgħixu l-Insara meta dawn iħobbu l-għedewwa, meta jgħixu bil-ferħ fis-sofferenza, bil-paċenzja fil-mumenti ta’ kuntrarju billi jaħfru lil min jimxi bi nġustizzja magħhom u billi juru mħabba u komfort lejn min iħossu li tilef kull tama u li jinsab fil-bżonn tal-għajnuna. Ġesu’ jgħidilna li m’għandiex nibżgħu mill-kuntrarju. Hu se jagħtina biżżejjed grazzja, qawwa u għerf meta affaċċjati ma’ provi u anke se jagħtina wkoll il-kliem x’għandna nwieġbu biex niddefendu l-fidi tagħna.

U inti ħerqan biex tagħti xhieda tal-ferħ u l-liberta’ tiegħek tal-mod kif inti tgħix l-Evanġelju?

Itlob …

Mulej bis-salib tiegħek inti fdejt id-dinja.

Għażiża Marija, int li bqajt taħt is-salib t’Ibnek sal-aħħar bla ma bżajt minn min setgħa joqtol lilek ukoll. B’talbek agħtini l-kuraġġ biex nixhed għal Ibnek quddiem l-oħrajn ħalli huma wkoll jaslu biex jagħrfu l-ferħ u l-liberta’ tal-Evanġelju. Ammen.