218. Riflessjoni fuq Luqa 21: 5-11

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 21: 5-11

hqdefault

L-Evanġelju skont San Luqa 21: 5-11

[Lq:21:5] Fdak iż-żmien, kien hemm xi wħud li bdew jgħidu fuq kemm it-tempju kien imżejjen b’ġebel sabiħ u għotjiet; iżda Ġesù qalilhom:

[Lq:21:6] “Kull ma qegħdin taraw, għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx.”

[Lq:21:7] U huma staqsewh u qalulu: “Mgħallem, issa dan meta għad jiġri? U x’se jkun is-sinjal li dawn il-ħwejjeġ ikunu waslu biex iseħħu?”

[Lq:21:8] Qalilhom: “Araw li ma titqarrqux. Għax għad jiġu ħafna f’ismi u jgħidu, ‘Jien hu,’ u, ‘Iż-żmien wasal.’ Tmorrux warajhom!

[Lq:21:9] Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u taqlib fil-pajjiżi, tinħasdux għax jeħtieġ li l-ewwel jiġri dan, iżda t-tmiem ma jasalx minnufih.”

[Lq:21:10] Mbagħad qalilhom: “Għad iqum ġens kontra ġens u saltna kontra saltna,

[Lq:21:11] l-art titheżheż bil-kbir, f’ħafna bnadi jkun hemm il-ġuħ u mard li jittieħed, u fis-sema jidhru ħwejjeġ tal-biża’ u sinjali ta’ l-għaġeb.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Kif kont twieġeb lil xi ħadd li jipprofetizza li pajjiżek jew il-Knisja ta’ fejn toqgħod se jiġu distrutti minn diżastru naturali?

Fil-preżent Alla jibgħat ħafna sinjali li juru mhux biss li hu ġej biex jiġġudika d-dinja, iżda wkoll l-azzjoni tiegħu ta’ Salvazzjoni u ħniena. Ġesu’ pprofetizza ħafna sinjali tal-azzjoni u l-ġudizzju t’Alla. Minkejja li għal Lhud kienet xi ħaġa li qatt ma setgħu jobsruha Ġesu’ jipprofetizza d-distruzzjoni tat-Tempju f’Ġerusalemm. Il-Lhud kienu mkabbrin b’dan it-Tempju u kienu jistagħġbu ħafna bis-sbuħija tiegħu. Li wieħed jażżarda jħabbar id-distruzzjoni ta’ dan it-Tempju kienet ġudizzju fiha nnifisha.

Għalhekk lil Ġesu’ talbuh sinjal li jindika meta dan kien se jseħħ. Ġesu’ wissihom li ma għandhomx ifittxu sinjali, imma s-Saltna t’Alla. Se jkun hemm bosta sinjali li juruna l-ġudizzju finali t’Alla. Gwerrer, mard, ġuħ, terremoti u oħrajn.

Ħsieb għal Qalbek …

Ħafna drabi aħna ma nagħrfux il-kriżi morali u l-konflitt spiritwali ta’ żmienna sakemm xi ħaġa ċċaqlaqna bil-kbir u nagħrfu r-realta’ tal-kundizzjoni preżenti. Il-ħlas lit-tajbin u l-kastig lill-ħżiena mhux dejjem esperjenzati f’din il-ħajja, imma se jiġu żgur fis-seħħ fil-jum tal-ġudizzju. Se jkun hemm persekuzzjoni, sofferenza u diffikultajiet f’dan iż-żmien sakemm jerġa’ jiġi l-Mulej. Alla jestendi l-grazzja u l-ħniena tiegħu għal kulħadd, għal kull min irid jisma’ s-sejħat u t-twissijiet tiegħu.

U inti tieħu vantaġġ fuq dan l-istaġun ta’ grazzja u ħniena u tfittex is-Saltna t’Alla u li twettaq ir-rieda tiegħu?

Itlob …

Mulej il-grazzja u l-ħniena tiegħek ifawwru f’nofs it-taħbit u d-distruzzjoni, kabbar il-ġuħ u l-għatx tiegħi għas-Saltna tiegħek u għenni biex inkun dejjem fidil lejn il-Kelma tiegħek.

Għażiża Marija omm ħelwa tiegħi, agħmel li xejn lanqas il-biża’ tal-mewt u lanqas il-biża’ li nitlef xi ħaġa għażiża għalija ma jbegħduni milli b’ħerqa nkompli nfittex is-Saltna t’Alla bit-tama u l-ferħ kif għext int sal-aħħar ta’ ħajtek. Ammen.