213. Riflessjoni fuq Luqa 19: 11-28

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 19: 11-28

1102014700_univ_lsr_xl

L-Evanġelju skont San Luqa 19: 11-28

[Lq:19:11] Huma u jisimgħu dan, Ġesù żied jgħid parabbola, għax kien qrib Ġerusalemm, u n-nies kien mingħalihom li s-Saltna ta’ Alla kienet se tidher minnufih.

[Lq:19:12] Mela qal: “Wieħed raġel nobbli siefer f’pajjiż fil-bogħod biex jagħmluh sultan u mbagħad jerġa’ lura.

[Lq:19:13] Sejjaħ għaxar qaddejja tiegħu, tahom għaxar miniet u qalilhom: ‘Ħaddmuhom, sa ma nerġa’ niġi.’

[Lq:19:14] Issa n-nies ta’ pajjiżu kienu jobogħduh, u bagħtu ambaxxata warajh biex jgħidu, ‘Ma rriduhx lil dan isaltan fuqna.’

[Lq:19:15] Ġara li, meta ħa s-saltna u raġa’ lura, bagħat isejjaħ lil dawk il-qaddejja li kien tahom il-flus, biex ikun jaf kif ħaddmuhom u x’qalgħu.

[Lq:19:16] Resaq l-ewwel wieħed u qallu, ‘Sinjur, bil-mina tiegħek qlajt għaxar miniet.’

[Lq:19:17] Qallu, ‘Sewwa, qaddej tajjeb! Ladarba kont fidil f’ħaġa tassew żgħira, ħu f’idejk is-setgħa fuq għaxart ibliet.’

[Lq:19:18] Ġie t-tieni wieħed u qallu, ‘Sinjur bil-mina tiegħek daħħalt ħames miniet.’

[Lq:19:19] Lil dan ukoll qallu, ‘U int ħu taħt idejk ħamest ibliet.’

[Lq:19:20] U ġie ieħor u qallu, ‘Sinjur, hawn ara l-mina tiegħek li jien żammejt merfugħa f’maktur.

[Lq:19:21] Għax jien bżajt minnek billi inti bniedem aħrax, li tfittex dak li ma ħżintx, u taħsad dak li ma żrajtx.’

[Lq:19:22] Qallu, ‘Fuq kliemek stess nagħmel ħaqq minnek, ja qaddej ħażin! Kont taf li jiena bniedem aħrax, nfittex dak li ma ħżintx u naħsad dak li ma żrajtx.

[Lq:19:23] Mela għax ma mortx tqiegħed flusi l-bank biex meta niġi kont niġbidhom bl-imgħax?’

[Lq:19:24] Mbagħad qal lil ta’ madwaru, ‘Ħudulu l-mina u agħtuha lil dak li għandu l-għaxar miniet.’

[Lq:19:25] ‘Imma, sinjur,’ qalulu, ‘għandu għaxar miniet!’

[Lq:19:26] ‘Ngħidilkom li kull min għandu, jingħatalu; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu.

[Lq:19:27] Lil dawk l-għedewwa tiegħi mbagħad li ma ridunix insaltan fuqhom, morru ġibuhom hawn u agħtuhom il-mewt quddiemi.’ “

[Lq:19:28] Kif qal dan, Ġesù qabad it-triq u beda tiela’ lejn Ġerusalemm, miexi quddiem l-oħrajn.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’jistgħu l-ekonomija u l-produttivita’ jgħallmuna fuq is-Saltna t’Alla?

L-istorja ta’ Ġesu’ dwar is-sinjur li jsiefer u jafda flusu f’idejn il-qaddejja tiegħu għamlet ħafna sens għall-udjenza tiegħu. Il-merkantiera għonja spiss kien ikollhom jivjaġġaw ‘il bogħod u jħallu ġidhom f’idejn ħaddieħor.

Għaliex Ġesu’ qal din l-istorja?

L-aktar importanti din l-istorja tgħidilna kif Alla jitratta lilna bħala qaddejja tiegħu. Qabel kollox il-parabbola titkellem dwar il-fiduċja tas-Sid lejn il-qaddejja tiegħu. Waqt li kien imsiefer hu fada flusu f’idejhom biex jużawhom bl-aħjar mod. Hu kien se jħallashom tajjeb tal-mod kif ikunu użaw flusu. L-essenza tal-parabbola tidher li qiegħda fil-kunċett tar-responsabbilta’ tal-qaddej. Dak li ħeba flus Sidu ma kienx responsabbli.

Ħsieb għal Qalbek …

Dawn l-imberkin flus xi jridu jgħidulna dwar is-Saltna t’Alla?

Il-Mulej lilna qaddejja tas-Saltna tiegħu jafdana b’rigali, b’doni, kariżmi, talenti u grazzji u jagħtina l-liberta’ li nużawhom kif naraw l-aħjar. Ma’ kull don u talent Alla jagħtina l-għerf u l-grazzja tiegħu li hi biżżejjed għalina biex nagħrfu nużawhom kif inhu l-aħjar għall-glorja tiegħu u għat-tixrid tas-Saltna tiegħu.

Dawk li jkunu fidili bi ftit jafdalhom aktar imma għall-kuntrarju dawk li bi traskuraġni jew biżgħa jwarrbu dak li fdalhom Alla jitilfu kollox. Hawn għandha t-tgħallima importanti għalina. Ħadd ma jista’ jżomm wieqaf fil-ħajja Nisranija għax jew jingħataw aktar jew jitilfu kollox. Jew nimxu ‘l quddiem lejn Alla jew naqgħu lura.

U inti tfittex li taqdi lil Alla bid-doni, bil-kariżmi, bit-talenti u l-grazzji li tak?

Itlob …

Mulej kun is-Sid ta’ qalbi u ta’ ħsibijieti. Kun ir-Re ta’ dari u tar-relazzjonijiet tiegħi u kun is-Sid tax-xogħol u s-servizz tiegħi lejk u lejn ħuti l-bnedmin.

Għażiża Marija, Omm Alla u ommi; għenni biex nagħmel użu tajjeb tad-doni, il-grazzji u t-talenti u tar-riżorsi li Alla tani għall-glorja tiegħu u għas-Saltna. Għallimni nkun qaddejja umli bħalek ħa nogħġbu b’dak li nagħmel. Ammen.