211. Riflessjoni fuq Mattew 25: 14-30

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 25: 14-30

unnamed

L-Evanġelju skont San Mattew 25: 14-30

[Mt:25:14] F’dak iż-żmien, Ġesu’ qal: “Għax dan bħal wieħed li kien se jsiefer, u sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u ħallielhom ġidu f’idejhom.

[Mt:25:15] Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed, kull wieħed skond il-ħila tiegħu. U siefer.

[Mt:25:16] Dak li kien ħa l-ħames talenti mar minnufih iħaddimhom u qala’ ħamsa oħra.

[Mt:25:17] Hekk ukoll dak li kien ħa tnejn qala’ tnejn oħra.

[Mt:25:18] Iżda dak li ħa wieħed mar ħaffer fl-art u ħeba flus sidu.

[Mt:25:19] Wara ħafna, sid dawk il-qaddejja raġa’ lura u beda jagħmel il-kontijiet magħhom.

[Mt:25:20] Resaq quddiemu dak li kien ħa ħames talenti u ġieblu ħames talenti oħra. ‘Sinjur,’ qallu, ‘ħames talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt ħamsa oħra.’

[Mt:25:21] Qallu s-sinjur, ‘Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek.’

[Mt:25:22] Resaq ukoll dak li kien ħa żewġ talenti, u qallu, ‘Sinjur, żewġ talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt tnejn oħra.’

[Mt:25:23] Qallu s-sinjur, ‘Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek.’

[Mt:25:24] Iżda resaq ukoll dak li kien ħa talent wieħed, u qal, ‘Sinjur, lilek nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx.

[Mt:25:25] Bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art. ‘Hawn, ara, għandek dak li hu tiegħek.’

[Mt:25:26] Qabeż is-sinjur u qallu, ‘Qaddej ħażin u għażżien, kont taf li jien naħsad fejn ma żrajtx u niġbor fejn ma xerridtx.

[Mt:25:27] Mela kien imissek mort qegħedt flusi l-bank biex, meta niġi, kont immur niġborhom bl-imgħax.

[Mt:25:28] Ħudulu mela t-talent u agħtuh lil dak li għandu l-għaxar talenti.

[Mt:25:29] Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu ż-żejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu.

[Mt:25:30] U lil dan il-qaddej bla fejda itfgħuh ‘il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’jistgħu l-ekonomija u l-produttivita’ jgħallmuna fuq is-Saltna t’Alla?

L-istorja ta’ Ġesu’ dwar is-sinjur li jsiefer u jafda flusu f’idejn il-qaddejja tiegħu għamlet ħafna sens għall-udjenza tiegħu. Il-merkantiera għonja spiss kien ikollhom jivjaġġaw ‘il bogħod u jħallu ġidhom f’idejn ħaddieħor.

Għaliex Ġesu’ qal din l-istorja?

L-aktar importanti din l-istorja tgħidilna kif Alla jitratta lilna bħala qaddejja tiegħu. Qabel kollox il-parabbola titkellem dwar il-fiduċja tas-Sid lejn il-qaddejja tiegħu. Waqt li kien imsiefer hu fada flusu f’idejhom biex jużawhom bl-aħjar mod. Hu kien se jħallashom tajjeb tal-mod kif ikunu użaw flusu. L-essenza tal-parabbola tidher li qiegħda fil-kunċett tar-responsabbilta’ tal-qaddej. Dak li ħeba flus Sidu ma kienx responsabbli.

Ħsieb għal Qalbek …

Dawn l-imberkin flus xi jridu jgħidulna dwar is-Saltna t’Alla?

Il-Mulej lilna qaddejja tas-Saltna tiegħu jafdana b’rigali, b’doni, kariżmi, talenti u grazzji u jagħtina l-liberta’ li nużawhom kif naraw l-aħjar. Ma’ kull don u talent Alla jagħtina l-għerf u l-grazzja tiegħu li hi biżżejjed għalina biex nagħrfu nużawhom kif inhu l-aħjar għall-glorja tiegħu u għat-tixrid tas-Saltna tiegħu.

Dawk li jkunu fidili bi ftit jafdalhom aktar imma għall-kuntrarju dawk li bi traskuraġni jew biżgħa jwarrbu dak li fdalhom Alla jitilfu kollox. Hawn għandha t-tgħallima importanti għalina. Ħadd ma jista’ jżomm wieqaf fil-ħajja Nisranija għax jew jingħataw aktar jew jitilfu kollox. Jew nimxu ‘l quddiem lejn Alla jew naqgħu lura.

U inti tfittex li taqdi lil Alla bid-doni, bil-kariżmi, bit-talenti u l-grazzji li tak?

Itlob …

Mulej kun is-Sid ta’ qalbi u ta’ ħsibijieti. Kun ir-Re ta’ dari u tar-relazzjonijiet tiegħi u kun is-Sid tax-xogħol u s-servizz tiegħi lejk u lejn ħuti l-bnedmin.

Għażiża Marija, Omm Alla u ommi; għenni biex nagħmel użu tajjeb tad-doni, il-grazzji u t-talenti u tar-riżorsi li Alla tani għall-glorja tiegħu u għas-Saltna. Għallimni nkun qaddejja umli bħalek ħa nogħġbu b’dak li nagħmel. Ammen.