208. Riflessjoni fuq Luqa 17: 20-25

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 17: 20-25

for-behold-the-kingdom-of-god-is-in-the-midst-of-you-luke-17-21-15-nov-2018

L-Evanġelju skont San Luqa 17: 20-25

[Lq:17:20] Fdak iż-żmien, il-Fariżej staqsew lil Ġesu meta kienet se tiġi s-Saltna ta’ Alla, u hu weġibhom: “Is-Saltna ta’ Alla ma tiġix b’sinjali li jidhru;

[Lq:17:21] lanqas ħadd ma hu se jgħid, ‘Arawha, hawn,’ jew, ‘Hemm’, għax araw, is-Saltna ta’ Alla fostkom qiegħda.”

[Lq:17:22] Lid-dixxipli tiegħu qalilhom: “Għad jiġi żmien meta tkunu tixtiequ taraw jum wieħed minn żmien Bin il-bniedem u ma tarawhx.

[Lq:17:23] U jgħidulkom, ‘Arawh, hawn hu,’ jew, ‘Arawh, hemm hu!’ Tmorrux, tiġrux warajhom.

[Lq:17:24] Għax bħalma berqa tleħħ u tiddi minn tarf għal ieħor tas-sema, hekk jidher Bin il-bniedem nhar il-Jum tiegħu.

[Lq:17:25] Iżda qabel xejn hu għandu jbati ħafna minn dan in-nisel u jkun miċħud minnu.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’tista’ l-berqa tgħidilna dwar il-miġja tal-Mulej u s-Saltna tiegħu?

Il-Lhud fi żmien Ġesu’ kienu qed jistennew b’antiċipazzjoni kbira għal sinjal li jindikalhom meta l-Messija se jidher u jistabbilixxi s-Saltna t’Alla. Il-mistoqsija tal-Fariżej fuq din l-ħaġa kellha l-intenzjoni li ġġarrab lil Ġesu’ għaliex huma mill-ewwel m’aċċettawx li hu l-Messija. Ġesu’ tahom sorpriża bil-mod kif weġibhom dwar is-Saltna t’Alla li qalhom li diġa’ qiegħda fosthom.

Ġesu’ tkellem fuq il-miġja tas-Saltna t’Alla kemm bħala avveniment preżenti kif ukoll bħala avveniment li għad irid jiġi mmanifestat fl-aħħar taż-żmien.

Ħsieb għal Qalbek …

U l-Mulej kif jagħmel lilu nnifsu preżenti fis-Saltna tiegħu fiż-żmien tallum?

Bħal ma’ żerriegħa tinżera’ f’ħamrija tajba hekk ukoll Ġesu’ li jiżra’ fir-ruħ tagħna jiżra’ l-Kelma t’Alla u s-Saltna tiegħu fi qlubna l-ewwel. Din is-Saltna għandha bidu ċkejken imma għandha l-qawwa li titrasforma l-qlub tagħna, ħa jkunu bħal qalb t’Alla. Tagħmilna nies mimlijin qawwa, imħabba, ħniena u maħfra. Il-Mulej Ġesu’ hu preżenti fil-Kelma tiegħu. Hu preżenti fil-qsim tal-Ħobż iġifieri fl-Ewkaristija, fil-Knejjes tagħna, fil-Knisja tiegħu l-Ġisem mistiku tiegħu. Ġesu’ juri lilu nnifsu b’diversi modi u aħna għandna dejjem infittxuh, nagħrfuh u nsibuh bl-għajnejn tal-fidi. Meta aħna naqraw il-Kelma t’Alla fl-Iskrittura Ġesu’ jkellimna u jirrevelana l-moħħ u l-qalb tal-Missier. Meta aħna nersqu lejh fl-Ewkaristija Ġesu’ joffri lilu nnifsu bħala l-ikel spiritwali tagħna li jipproduċi fina l-ħajja vera t’Alla. Ġesu’ jwegħdna wkoll li l-għaqda tagħna miegħu ħadd u xejn ma jista’ jifridha. Hu jagħtina l-liberta’ mill-biża’ li nistgħu nkunu minsija jew maqtugħa mill-ħajja eterna m’Alla. Ġesu’ joffrilna t-tama li aħna għad ukoll inqumu miegħu għall-glorja.

U inti kemm hi kbira t-tama u x-xewqa tiegħek li tara lil Alla wiċċ imb’wiċċ?

Itlob …

Mulej Ġesu’ ħa tiġi s-Saltna tiegħek u ħa sseħħ ir-rieda tiegħek kif fis-sema hekk ukoll hawn fl-art.

Marija ndur lejk b’kunfidenza għaliex inti, ommi. Agħtini l-grazzja bit-talb tiegħek li jien nħalli lil Ibnek isaltan f’qalbi u jkun is-Sid ta’ ħajti bl-istess mod kif inti għamilt biex ikolli dik il-liberta’ li biha nkun nista’ nħobb u nfittex il-verita’. Ammen.