206. Riflessjoni fuq Luqa 17: 7-10

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 17: 7-10

servant-stdas0182

L-Evanġelju skont San Luqa 17: 7-10

[Lq:17:7] Fdak iż-żmien, Ġesu qal din il-parabbola: “Wieħed minnkom ikollu qaddej qiegħed jaħrat jew jirgħa; meta jidħol mill-għalqa x’se jgħidlu? ‘Ejja, isa, u oqgħod għall-ikel’?

[Lq:17:8] jew, ‘Lestili x’niekol, ilbes il-fardal u newwilli sa ma niekol u nixrob jien, u mbagħad tiekol u tixrob int’?

[Lq:17:9] Jaqaw se jroddlu ħajr lill-qaddej talli jkun għamel li ordnalu?

[Lq:17:10] Hekk ukoll intom, meta tagħmlu kull ma tkunu ordnati, għidu, ‘Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu.'”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti tagħti mill-aħjar minkejja l-prezz li għandek tħallas? U aħna m’aħniex bħal qaddej tal-parabbola ta’ Ġesu’ li nistennew ħlas immedjat tal-ġurnata tax-xogħol tagħna?

Kemm hi inġusta għas-Sid li jiġi sfurzat li jagħti dak illi wieħed ma jistħoqqlux. U aħna ma nagħmlux l-istess meta nkunu assertivi biex nieħdu dawk li aħna nsejħulhom id-drittijiet tagħna? U ngħidu jien nagħti biss xogħoli u xejn iżjed.

Imma min se jissodisfa s-sejħat tal-imħabba?

Ġesu’, uża din il-parabbola ta’ dan il-qaddej li għamel dmiru biex jispjega li aħna qatt ma nistgħu npoġġu lil Alla bħala debitur tagħna jew nistqarru li Alla għandu xi ħaġa x’jagħtina. Aħna għandna nqisu lilna nfusna bħala qaddejja t’Alla hekk kif Ġesu’ qal għalih innifsu. ‘Jien ma ġejtx biex inkun moqdi, imma biex naqdi.’ Dan insibuh f’Mattew kapitlu 20 vers 28. Is-servizz tagħna lejn Alla u lejn il-proxxmu t-tnejn fuq bażi volontarja u huma azzjoni libera ta’ dover qaddis tagħna. Wieħed jista’ jkun volontier fis-servizz pubbliku jew jiddefendi lil pajjiżu bħala suldat. Bl-istess mod Alla jistenna minna li nagħtuh il-qima u t-tifħir li jistħoqqlu. Hu bil-ferħ jaċċetta din ir-rieda tagħna ħielsa li noffru ħajjitna għalih u għas-servizz tiegħu.

Ħsieb għal Qalbek …

Dak li jagħmel l-offerti tagħna magħġuba quddiem Alla hija l-imħabba li biha aħna nesprimu din l-għotja tagħna. Min iħobb vera jagħmel dan b’sagrifiċċju, b’ġenerożita’ u mingħajr egoiżmu.

Kif nistgħu aħna nħobbu lill-oħrajn mingħajr egoiżmu u mingħajr kundizzjoni?

Alla nnifsu huwa Mħabba u jimla l-qalb tagħna b’dik l-imħabba li biha aħna nagħtu t-tajjeb tagħna għall-bżonnijiet tal-oħrajn. Jekk aħna nħobbu lil xulxin Alla jgħammar fina u l-imħabba tiegħu ssib il-milja tagħha fina. Alla jonora lill-qaddej fidil li jħobb b’ġenerożita’. Huwa lest biex dejjem jagħti l-għajnuna u jaħdem permezz tagħna u għall-glorja tiegħu. Aħna għandna nżommu f’moħħna, illi minkejja kollox Alla qatt ma huwa midjun lejna. L-imħabba tiegħu tqanqalna biex aħna nagħtuh l-aħjar u meta aħna nkunu għamilna mill-aħjar, aħna nkunu għamilna biss dmirna. Aħna qatt ma nistgħu naqbżu lil Alla fil-ġenerożita’ tiegħu lejna.

U lilek l-imħabba t’Alla tqanqlek biex tagħtih servizz mill-aħjar?

Itlob …

Mulej imlieli lil qalbi bl-imħabba, bil-gratitudni u bil-ġenerożita’. Agħmilni qaddej fidil u żelanti tiegħek.

Għażiża Marija, Omm maħbuba tiegħi; agħmel li jien noffri ħajti b’ġenerożita’ għas-servizz tiegħek, ta’ Ibnek u tal-oħrajn bl-istess mod kif intom b’ġenerożita’ kbira sservu lili b’imħabba. Ammen.