196. Riflessjoni fuq Luqa 6: 12-19

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 6: 12-19

BIble-Jesus-Disciples

L-Evanġelju skont San Luqa 6: 12-19

[Lq:6:12] Mela darba fost l-oħrajn Ġesu ħareġ lejn l-għoljiet biex jitlob, u għadda l-lejl fit-talb lil Alla.

[Lq:6:13] Meta sebaħ, sejjaħ lejh id-dixxipli tiegħu u minnhom għażel tnax, li semmiehom appostli:

[Lq:6:14] Xmun, li semmieh Pietru, u ħuh Indrì, Ġakbu, Ġwanni, Filippu, Bartilmew,

[Lq:6:15] Mattew, Tumas, Ġakbu ta’ Alfew, Xmun l-Imħeġġeġ,

[Lq:6:16] Ġuda ta’ Ġakbu u Ġuda l-Iskarjota, li mbagħad ittradieh.

[Lq:6:17] Mbagħad niżel magħhom u waqaf f’wita, flimkien ma’ kotra kbira ta’ dixxipli u folla kbira ta’ nies minn kull naħa tal-Lhudija u Ġerusalemm u mix-xtajta ta’ Tir u Sidon.

[Lq:6:18] Dawn kienu marru biex jisimgħuh u jfejjaqhom mill-mard tagħhom. Min kien imħabbat mill-ispirti mniġġsa kien ifiq;

[Lq:6:19] u l-kotra kienet tfittex li tmissu, għax minnu kienet toħroġ qawwa li tfejjaq lil kulħadd.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti taf u tesperjenza l-qawwa tal-Vanġelu f’ħajtek?

Ġesu’ bgħatt lid-dixxipli tiegħu biex ikomplu l-ħidma li hu ried iwettaq biex ixandru l-Kelma t’Alla u jwasslu l-qawwa tiegħu li tfejjaq lil kull min hu mdejjaq, lil kull min hu bla tama u jonqsu l-kuraġġ minħabba kull xorta ta’ tbatija li l-bniedem jgħaddi minna.

Fl-għażla tat-tnax -il appostlu nilmħu karatteristika tipika tal-ħidma t’Alla. Ġesu’ għażel nies ordinarji ma kienux professjonalisti lanqas kellhom xi rikezzi jew xi pożizzjoni importanti. Għażilhom minn qalb in-nies komuni li kienu jgħixu ħajja ordinarja ma kellhomx xi edukazzjoni speċjali u ma kellhom l-ebda vantaġġi soċjali. Ġesu’ ried nies ordinarji li setgħu jilqgħu s-sejħa tiegħu u jwettquha straordinarjament tajjeb. Huwa għażel lil dawn l-irġiel mhux għal dak li kienu, imma għal dak li kienu jistgħu jsiru taħt id-direzzjoni u l-qawwa tiegħu.

Ħsieb għal Qalbek …

Meta l-Mulej isejħilna biex inservuh m’għandniex naħsbu li ma għandna xejn x’noffru. Il-Mulej jilqa’ dak li nies ordinarji bħalna nistgħu noffrulu u jużah għat-tkabbir tas-Saltna tiegħu.

Inti temmen li l-Mulej irid jaħdem permezz tiegħek u fik għall-glorja tiegħu?

Itlob …

Mulej inti għażiltni biex inkun dixxiplu tiegħek. Ħu u ilqa’ dak kollu li għandi x’ noffrilek żgħir kemm hu żgħir għall-glorja t’Ismek. Ammen.