193. Riflessjoni fuq Luqa 12: 54-59

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 12: 54-59

1-teacher

L-Evanġelju skont San Luqa 12: 54-59

[Lq:12:54] Fdak iż-żmien, Ġesu’ qal lin-nies: “Meta taraw sħaba tielgħa mill-punent, malajr tgħidu li tkun ġejja x-xita; u hekk jiġri.

[Lq:12:55] U meta jonfoħ ir-riħ isfel, tgħidu li sħana se tagħmel; u tagħmel tassew.

[Lq:12:56] Uċuħ b’oħra, tafu taqraw wiċċ is-sema, u wiċċ l-art ukoll; mela ż-żmien ta’ issa kif ma tafux tfissruh?”

[Lq:12:57] “U għala ma tiġġudikawx intom stess x’inhu s-sewwa?

[Lq:12:58] Jekk xi ħadd ikun se jtellgħek il-qorti, int u sejjer miegħu quddiem il-maġistrat, ħabrek biex tirranġa miegħu kif tkunu għadkom fit-triq, li ma jmurx ikaxkrek quddiem l-imħallef, u l-imħallef jagħtik f’idejn l-esekutur tas-sentenza, u dan imbagħad jitfgħek il-ħabs;

[Lq:12:59] għax kif ngħidlek jien, ma toħroġx minn hemm ġew qabel ma tkun ħallast sa l-inqas ħabba.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Kemm int kapaċi taqra is-sinjali taż-żminijiet?

Ġesu’ jistenna dan bi preċiżjoni mid-dixxipli tiegħu. Filwaqt li t-tekonoloġija moderna tagħtina riżultati preċiżi meta tipponta lejn tempesti qalila u terremoti l-abbilta’ tagħna biex niddixernu t-tiġrib spiritwali tidher li hi fi bżonn kbir li titranġa jew almenu timpruvja.

Kemm int kapaċi taqra s-sinjali?

In-nies ta’ żmien Ġesu’ kienu jistennew li l-miġja tal-Messija kienet se tiġi mwettqa b’sinjali u għeġubijiet sopranaturali. Il-messiji foloz għamu stqarrijiet kbar biex jattiraw ħafna dixxipli. Ġesu’ kien jaf il-qlub ta’ dawk li resqu lejh biex iġarrbuh. Kienu iżjed interessati f’sinjali u f’fenomini milli fil-Kelma t’Alla.

Xmun kien ipprofetizza fit-twelid ta’ Ġesu’ li hu kien iddestinat għall-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael u li kellu jkun sinjal li jmerruh biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija ta’ ħafna. Dan insibuh f’Luqa kapitlu 2 versi minn 34 sa 35. Ġesu’ ma tahom l-beda sinjal ħlief lilu nnifsu u l-prova aħħarija tad-Divinita’ tiegħu meta qam mill-imwiet.

Ħsieb għal Qalbek …

Il-Mulej jurina lilu nnifsu b’ħafna modi, bil-Kelma tiegħu u fl-Ewkaristija kif ukoll permezz tal-Knisja l-Ġisem Mistiku tiegħu. Permezz tal-ħolqien u taċ-ċirkustanzi fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Jekk infittxu l-Mulej nistgħu nserrħu rasna li Hu se jagħtina kulma għandna bżonn biex nagħmlu r-rieda tiegħu. Fuq kollox il-Mulej jassigurana mill-preżenza tiegħu u mill-wegħda li qatt ma jitlaqna.

Fil-ktieb ta’ talb ta’ Santa Tereża t’Avila nstab miktub dan il-kliem:

“Tħallix xi jtaqqlek.
Tħallix xi jbeżżgħek.
Kollox jgħaddi, Alla biss jibqa’.
Ma jinbidilx.
Bil-paċenzja tikseb kulma taħdem għalih.
Min għandu  ‘l Alla ma jonqsu xejn.
Alla waħdu kollox.”

U għalik Alla huwa kollox?

Itlob …

Mulej, ibdel lil qalbi u lil ħajti ħalli ngħix Miegħek b’mod sħiħ. Għenni nagħżel dak li huwa s-sewwa u naħrab kull okkażjoni tad-dnub.

Marija Omm tiegħi tas-sema, għenni ma norbotx qalbi mal-affarijiet ta’ din id-dinja li jżommuni milli nista’ nkun il-ħin kollu nħobb u nservi lil Alla b’qalb sħiħa. Ammen.