186. Riflessjoni fuq Luqa 11: 47-54

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 11: 47-54

wpid-tissot_pharisees_610x300

L-Evanġelju skont San Luqa 11: 47-54

[Lq:11:47] Fdak iż-żmien, Ġesu qal: Ħażin għalikom! Intom tibnu l-oqbra tal-profeti li qatlu missirijietkom,

[Lq:11:48] u b’hekk tagħtu xhieda ta’ kull ma għamlu missirijietkom u turu li taqblu magħhom, għax huma qatluhom u intom tibnulhom l-oqbra.

[Lq:11:49] Kien għalhekk li l-Għerf ta’ Alla qal, ‘Jien nibagħtilhom profeti u appostli, u huma joqtlu u jippersegwitaw lil xi wħud minnhom.’

[Lq:11:50] U hekk dan in-nisel ikollu jagħti kont ta’ demm il-profeti kollha li nxtered sa mill-ħolqien tad-dinja,

[Lq:11:51] ibda mid-demm ta’ Abel sad-demm ta’ Żakkarija, li qerduh bejn l-altar u s-santwarju. Iva, ngħidilkom, dan in-nisel ikollu jagħti kont!

[Lq:11:52] Ħażin għalikom intom l-għorrief tal-Liġi! Intom ħtaftu l-muftieħ ta’ l-għerf, biex mbagħad intom stess ma dħaltux u żammejtu lura lil min ried jidħol!”

[Lq:11:53] Meta Ġesù ħareġ minn hemm, il-kittieba u l-Fariżej bdew irossuh kemm jifilħu b’mistoqsijiet fuq ħafna ħwejjeġ

[Lq:11:54] u jonsbuh biex jaraw jaqbdux xi ħaġa minn fommu.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Kif jista’ wieħed ikejjel u jiġġudika t-tajjeb?

Il-profeta Iżaija kien ipprofetizza li l-Messija ma jiġġudikax skont ma jidher fl-għajnejn u ma jagħtix sentenza skont ma jisma’, iżda jiġġudika l-imsejknin skont il-ġustizzja u jagħti sentenza skont is-sewwa lill-fqajrin tal-art. Din insibuha fil-ktieb t’Iżaija kapitlu 11 versi minn 3 sa 4.

Ġesu’ l-Messija li fuqu Iżaija kien ħabbar iċanfar lill-kapijiet reliġjużi ta’ żmienu talli kienu nies qarrieqa u jqarqu bl-oħrajn l-aktar b’dawk innoċenti. Kienu juru wiċċ b’ieħor quddiem in-nies u kienu jagħmlu kollox għal għajn in-nies. Kienu juru għal wiċċ in-nies li kellhom qima lejn il-profeti maqtula minn min fil-passat oppona l-messaġġ tagħhom billi bnewlhom oqbra, imma fl-istess waqt huma stess kienu jopponu l-messaġġ tal-istess Iben t’Alla hekk li jagħlqu widnejhom għall-Kelma tiegħu.

Ħsieb għal Qalbek …

Huma m’aċċettawx lill-Messija għaliex qlubhom kienu iebsa u tqal biex jisimgħu l-Kelma t’Alla. Huma l-umli biss li jistgħu jirċievu l-għerf u l-għarfien t’Alla. L-Ispirtu s-Santu hu dejjem lest li jġedded l-imħuħ u l-qlub tagħna u biex jimliena bil-paċi, bil-ferħ u bit-tjubija tas-Saltna t’Alla.

Inti tgħożż il-Kelma t’Alla f’qalbek u toqgħod għaliha b’biża’ qaddis u b’qima?

Itlob …

Mulej dawwal lil qalbi bil-għerf tiegħek u għallimni triqatek. Imlieni bl-Ispirtu tiegħek ħalli nħobb dak li tħobb int u nobdi Kelmtek bla riservi.

Għażiża Ommi Marija, int li lqajt bil-ferħ il-Kelma t’Alla mibgħuta lilek mill-anġlu Gabrijiel u b’hekk tnisslet fik il-Kelma inkarnata Ġesu’. Għallimni nilqa’ bl-istess mod il-Kelma t’Alla biex jien ukoll inwelled f’qalbi lil Ġesu’ biex jibqa’ miegħi dejjem. Ammen