185. Riflessjoni fuq Luqa 11: 42-46

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 11: 42-46

Curses-Against-the-Pharisees-James-Tissot-Brooklyn-Museum-full-size

L-Evanġelju skont San Luqa 11: 42-46

[Lq:11:42] Fdak iż-żmien, Ġesu qal: Ħażin għalikom intom il-Fariżej! Intom tħallsu d-dieċmi fuq in-nagħniegħ u l-fejġel u fuq kull xorta ta’ ħxejjex, u mbagħad għal dik li hi ġustizzja u mħabba ta’ Alla tħallu kollox għaddej. Dawn kien imisskom tħarsu, mingħajr ma tħallu l-oħrajn barra.

[Lq:11:43] Ħażin għalikom intom il-Fariżej! Intom tħobbu s-siġġijiet ta’ quddiem fis-sinagogi u min isellmilkom fil-pjazez.

[Lq:11:44] Ħażin għalikom! Qiskom l-oqbra, li ma tagħrafhomx, u n-nies tgħaddi minn fuqhom bla ma tintebaħ bihom.”

[Lq:11:45] Qabeż wieħed mill-għorrief tal-Liġi u qallu: “Mgħallem, b’dan li qiegħed tgħid qiegħed tgħajjar lilna wkoll?”

[Lq:11:46] Qallu Ġesù: “Ħażin għalikom ukoll intom l-għorrief tal-Liġi! Intom tgħabbu n-nies b’tagħbijiet li bilkemm wieħed jiflaħhom u li intom stess anqas b’saba’ wieħed ma tmissuhom.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Għaliex Ġesu’ jipponta lejn il-Fariżej u l-għorrief tal-liġi u jellimhom iebes?

Ġesu’ jesprimi r-rabja tiegħu minħabba l-aġir tagħhom u fl-istess waqt jitħassarhom. Dan minħabba li kienu jonqsu milli jisimgħu l-Kelma t’Alla u b’hekk ifixklu lin-nies li suppost kellhom jiggwidaw u jgħallmuhom iżommu fit-triq t’Alla. Il-kittieba kienu jiddedikaw ħajjithom għall-istudju tal-liġi t’Alla u kienu jikkunsidraw lilhom infushom bħala l-esperti f’dan ir-rigward. Fiż-żelu żbaljat tagħhom huma tilfu l-aktar affarijiet meħtieġa tar-reliġjon tagħhom, bħall-imħabba lejn Alla u dik lejn il-proxxmu huma ttraskuraw lin-nies fil-bżonn. Ġesu’ jikkundannahom għax qalbhom ma kinitx tajba.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ b’dan kollu jgħallimna li l-imħabba hija offerta b’sagrifiċċju. Li inti tingħata għas-servizz ta’ ħaddieħor mingħajr ma tiġġudikah imma tgħinu jsib it-triq. Tgħinu jsib dik il-paċi u l-hena vera għal ħajtu kollha. Ġesu’ wriena l-akbar imħabba meta huwa stess tgħabba bi dnubietna u bi tbatijietna u ħa l-mewt tas-salib għalina.

U inti kif tuża l-imħabba li jagħtik Alla biex biha tqandel ftit mill-piż tal-oħrajn?

Itlob …

Mulej għenni nfittex biss dak li għandu valur tassew f’għajnejk.

Marija, ommi għallimni npoġġi l-ewwel Kmandament li nħobb lil Alla u lill-proxxmu bħala l-ewwel post fil-ħajja tiegħi u li kollox nibni fuqu, ħalli kif magħkom jien inħobb magħkom jien għad inkun maħbub għal dejjem fl-eternita’. Ammen.