181. Riflessjoni fuq Luqa 19: 1-10

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 19: 1-10

Capture

L-Evanġelju skont San Luqa 19: 1-10

[Lq:19:1] Ġesù daħal Ġeriko u kien għaddej mit-triq.

[Lq:19:2] Mela jkun hemm raġel, jismu Żakkew; dan kien wieħed mill-kapijiet tal-pubblikani, u kien għani.

[Lq:19:3] Kellu xewqa li jara min kien Ġesù, imma ma setax minħabba l-folla, billi kien raġel qasir.

[Lq:19:4] Għalhekk mar jiġri ‘l quddiem u xxabbat ma’ siġra tat-tin selvaġġ, għax minn dik in-naħa kien se jgħaddi.

[Lq:19:5] Ġesù, kif wasal hemm, ħares ‘il fuq u qallu: “Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek.”

[Lq:19:6] Dak niżel bla telf ta’ żmien, u kollu ferħan laqgħu għandu.

[Lq:19:7] In-nies, meta rawh, lkoll bdew igemgmu bejniethom u jgħidu li għand wieħed midneb daħal jistrieħ.

[Lq:19:8] Imma Żakkew, wieqaf, qal lill-Mulej: “Ara, Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-foqra, u jekk jien qarraqt b’xi ħadd inroddlu għal erba’ darbiet iżjed.”

[Lq:19:9] Qallu Ġesù: “F’din id-dar illum daħlet is-salvazzjoni, għax dan ir-raġel ukoll huwa bin Abraham.

[Lq:19:10] Għax Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’kont tagħmel li kieku Ġesu’ jħabbatlek mall-bieb u jgħidlek: ‘Illum hemm bżonn li niġi noqgħod għandek.’ Kont tifraħ jew tħossok imbarazzat? Ġesu’ spiss kien jieqaf għand xi ħadd f’ħin bla waqt u spiss kien iżur dawk li ħadd ma jistednihom. Il-foqra, in-nies b’diżabbilta’ u anki l-midinbin pubbliċi bħal Żakkew li kien jiġbor it-taxxi. Dawk li kienu jiġbru t-taxxi kienu nies iddisprezzati u ttrattati bħala maqtugħin mill-kumplament tal-poplu. Bla dubju għax kienu jakkumulaw għana kbir minn fuq dahar ħaddieħor. Żakkew kien kmandant ta’ dawk li kienu jiġbru t-taxxi u n-nies kienet tobgħodu.

Ħsieb għal Qalbek …

X’kien Ġesu’ tefa’ l-attenzjoni tiegħu fuq Żakkew u għażel li jonorah bil-preżenza tiegħu f’dahru stess?

Żakkew kellu bżonn il-ħniena u l-imħabba t’Alla u fil-laqgħa tiegħu ma’ Ġesu’ hu sab aktar milli mmaġina possibli. Hu juri d-dispjaċir u l-indiema profonda tiegħu għall-ħajja ta’ qerq li kien qed jgħix billi jiddeċiedi li jagħti nofs ġidu lill-foqra u li juża n-nofs l-ieħor biex jirritorna dak li kien seraq.

It-testimonjanza ta’ Żakkew tinkludi iżjed minn kliem. Il-bidla tal-qalb waslet biex jibdel ħajtu. Bidla li l-komunita’ setgħet tesperjenza bħala ġenwina. Il-Mulej dejjem lest biex jonorana bil-preżenza tiegħu fid-djar tagħna.

U inti għandek spazju għal Alla fil-qalb tiegħek, f’darek u f’ħajtek?

Itlob …

Mulej ejja u oqgħod magħna. Imla lil darna bil-preżenza tiegħek u imla lil qalbi bit-tifħir tiegħek.

Marija omm kollok ħniena, għenni nuri ħniena, mogħdrija u nkun ġentili ma’ kulħadd anke ma’ dawk li jikkawżawli l-ħsara bħal ma’ int u Ibnek għamiltu u għadkom tagħmlu magħna midinbin. Ammen.