178. Riflessjoni fuq Luqa 10: 17-24

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 10: 17-24

170-jesus-discourses-with-his-disciples-luke-11_9-13-1886-96-17-3-x-29-7-cm

L-Evanġelju skont San Luqa 10: 17-24

[Lq:10:17] F’dak iż-żmien, it-tnejn u sebgħin reġgħu lura ferħana jgħidu: “Mulej, ix-xjaten ukoll joqogħdu għalina minħabba f’ismek!”

[Lq:10:18] U hu qalilhom: “Iva, jien kont narah lix-Xitan jaqa’ bħal berqa mis-sema.

[Lq:10:19] Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq sriep u skorpjuni u li tegħlbu kull qawwa ta’ l-għadu u ebda ħsara ma jagħmlulkom.

[Lq:10:20] Madankollu mhux b’dan ifirħu, li l-ispirti joqogħdu għalikom, imma ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet.”

[Lq:10:21] F’dak l-istess ħin Ġesù tqanqal bil-ferħ mill-Ispirtu s-Santu u qal: “Nfaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok.

[Lq:10:22] Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf min hu l-Iben ħlief il-Missier, anqas min hu l-Missier ħlief l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu.”

[Lq:10:23] Mbagħad dar lejn id-dixxipli u qal lilhom weħidhom: “Henjin l-għajnejn li jaraw dak li qegħdin taraw intom.

[Lq:10:24] Għax kif ngħidilkom jien, ħafna profeti u slaten riedu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom u ma semgħuhx!”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Tixtieq tkun taf il-ħsibijiet t’Alla?

Ġesu’ jirringrazzja lill-Missier tas-sema talli wera lid-dixxipli l-għerf u l-għarfien tiegħu.

Xi tgħidilna t-talba li talab Ġesu’ dwar Alla u dwarna nnfusna?

L-ewwelnett tgħidilna li Alla hu kemm il-Misser kif ukoll il-Mulej tas-sema u l-art, imma fl-istess waqt hu wkoll mimli tjieba, imħabba u jagħti kas tal-ħtiġijiet tagħna wliedu. It-talba ta’ Ġesu’ tinkludi wkoll twissija li s-suppervja tista’ żżomm ‘l bogħod mill-imħabba u l-għarfien t’Alla.

X’jagħmilna b’nuqqas ta’ għarfien u għomja għall-ħwejjeġ t’Alla?

Ċertament is-suppervja ta’ meta naħsbu li nafu ħafna, l-indifferenza u l-bruda f’qalbna u r-ras iebsa tagħna li jħallu ‘l Alla u lis-Saltna tiegħu ‘l barra minn ħajjitna.

Ħsieb għal Qalbek …

Is-suppervja hija l-għerq ta’ kull vizzju u l-akbar influwenza tagħna li twassalna biex nidinbu. Hi l-ewwel taħkem il-qalb tagħna tagħmilha kiesħa u indifferenti lejn Alla. Hi wkoll tagħlqilna moħħna għall-verita’ t’Alla f’ħajjitna.

X’inhi s-suppervja?

Hija l-imħabba żbaljata tagħna nnfusna għad-dannu tal-oħrajn u ammirazzjoni eseġerata tat-tagħlim li wieħed għandu u tal-importanza tiegħu nnifsu.

Inti umli biżżejjed li tagħraf ix-xejn tiegħek quddiem Alla u kemm hu jista’ jimliek bl-għerf tiegħu u jgħinnek tikber fl-umilta’ li jixtieq minnek u li togħġbu?

Itlob …

Mulej agħtini l-umilta’ u s-sempliċita’ bħal tat-tfal. Agħtini wkoll is-safa tal-fidi biex inkun nista’ nżomm ħarsti fuqek mimlija bil-ferħ u l-kunfidenza lejn l-imħabba kollha ħniena tiegħek. Neħħili kull dubju, biża’ u attitudni supperva li jistgħu jfixkluni milli nirċievi l-Kelma tiegħek b’fiduċja u b’sottomissjoni umli lejk. Ammen.