173. Riflessjoni fuq Luqa 9: 43-45

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 9: 43-45

Jesus-Predicts-His-Death-a-Third-Time1

L-Evanġelju skont San Luqa 9: 43-45

[Lq:9:43] Fdak il-jum, meta kulħadd kien qiegħed jistagħġeb b’kul ma kien qiegħed jagħmel, Ġesu qal lid-dixxipli tiegħu:

[Lq:9:44] “Iftħu widnejkom sewwa għal dawn il-kelmiet: Bin il-bniedem għandu jkun mogħti f’idejn il-bnedmin.”

[Lq:9:45] Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u baqa’ mistur għalihom hekk li ma qabdu xejn minnu, u beżgħu jistaqsuh dwar dak li kien qal.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Int għaraft il-majesta’ t’Alla?

Meta aħna nagħtu ġieħ jew nitrattaw b’dinjita’ lil xi ħadd, aħna qed nagħrfu l-kobor ta’ dik il-persuna u nuru r-rispett tagħna lejha. Il-mirakli ta’ Ġesu’ rrevelawlna l-majesta’ t’Alla u kien turija tal-grazzja u l-ħniena tiegħu b’mod speċjali  lejn in-nies sempliċi u umli, imma bil-mirakli Ġesu’ ried ukoll jagħtina twissija profetika. Ma nistgħux naqsmu fil-glorja m’Alla mingħajr is-salib.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ pprofetizza ċ-ċaħda u s-salib li kellu jgħaddi minnhom hu. Imma din it-tħabbira ma għamlet l-ebda sens għad-dixxipli għaliex ma kellhiex x’taqsam mall-idea li fasslu huma dwar il-Messija u bdew jibżgħu jistaqsu aktar dwarha. Bħal meta persuna tirrifjuta li ssaqsi, aktar lit-tabib għax tibża’ minn xi verdett ħażin. Huma wkoll ma riedux isiru jafu aktar. Kemm drabi aħna wkoll nirrifjutaw dak li ma rridux naraw? Smajna kemm -il darba l-Kelma t’Alla u nafu l-konsegwenzi ta’ meta naċċettawha jew nirrifjutawha.

Imma aħna nikkommettu rwieħna b’mod totali lejha? U ngħixu skont din il-Kelma? Itlob lill-Mulej biex jurik il-majesta’ tiegħu ħalli, inti tikber fil-qima tiegħek lejh u f’rispett qaddis lejn Kelmtu.

Itlob …

Mulej, bis-salib tiegħek inti salvajt id-dinja u rbaħt fuq id-dnub u l-mewt agħtini l-grazzja li ma nonqosx li nara l-glorja u r-rebħa tiegħek fis-Salib.

Għażiża, Ommi Marija għenni biex bħalek jiena nikkonforma lil ħajti għar-rieda t’Alla u li nirsisti biex navanza fit-triq tal-qdusija wara Ibnek u fil-kumpanija tiegħek. Ammen.