172. Riflessjoni fuq Luqa 9: 18-22

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 9: 18-22

peter

L-Evanġelju skont San Luqa 9: 18-22

[Lq:9:18] Darba, waqt li kien Ġesu kien qiegħed jitlob waħdu, kien hemm miegħu d-dixxipli tiegħu, u hu staqsiehom: “Min jgħidu n-nies li jien?”

[Lq:9:19] Huma weġbuh u qalulu: “Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, li qam wieħed mill-profeti ta’ l-imgħoddi.”

[Lq:9:20] Qalilhom: “Imma intom min tgħidu li jien?” Qabeż Pietru u qallu: “Inti l-Messija ta’ Alla.”

[Lq:9:21] Mbagħad ikkmandahom u qalilhom ħafna biex ma jgħidu lil ħadd b’dan.

[Lq:9:22] U qalilhom: “Jeħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, jiċħduh ix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Min hu Ġesu’ għalik?

F’ħin opportun Ġesu’ ġġarrab lid-dixxipli tiegħu bil-mistoqsija kruċjali. ‘Min jgħidu n-nies li jien u min tgħidu intom li jien?’ Ġesu’ kien kkunsidrat mill-maġġoranza tal-poplu f’Iżrael bħala bniedem kbir t’Alla, anke kkumparat mall-akbar fost il-profeti: Ġwanni l-Battista, Elija u oħrajn. Pietru stqarr li Ġesu’ kien il-Messija. L-ebda bniedem ma setgħa jirrevela dan lil Pietru kien biss Alla nnifsu. Kien l-ewwel dixxiplu li għaraf lil Ġesu’ bħala l-Midluk, il-Messija u ‘l Kristu. U f’San Mattew kapitlu 16 vers 16 insibu li qallu wkoll li hu l-Iben uniku t’Alla.

Ħsieb għal Qalbek …

Madanakollu l-fidi ta’ Pietru tgħaddi minn prova, meta Ġesu’ jispjega l-bżonn għall-Messija li jbati u jmut sabiex il-ħidma tas-Salvazzjoni t’Alla titwettaq. Kif inħasdu d-dixxipli meta semgħu dan il-kliem. Kemm huma differenti l-ħsibijiet u t-triqat t’Alla minn dawk tagħna l-bnedmin. Permezz tal-umiljazzjoni, tas-sofferenza u tal-mewt fuq is-salib Ġesu’ kisser il-qawwa tad-dnub u tal-mewt u rebaħ għalina u għas-Salvazzjoni tagħna.

Il-Mulej jgħaddi wkoll lilna b’mod personali mill-prova bl-istess mistoqsija. ‘Int min tgħid li jien.’ U jekk se twieġbu li hu l-Mulej qed tħalli ikun il-Mulej iġifieri s-Sid ta’ kulma int tal-ħsibijiet, tax-xewqat u tal-azzjonijiet tiegħek? Inti taħseb kif jaħseb Alla jew toqgħod fuq li taħseb int li jista’ jkun żbaljat?

Itlob …

Mulej Ġesu’ jiena nistqarr u nemmen li Inti l-Messija, l-Iben t’Alla l-Ħaj. Inti l-Mulej u s-Salvatur tiegħi. Agħmel li l-fidi tiegħi tkun qawwija bħal dik ta’ Pietru u agħtini li nitkellem u nixhed għalik bil-kuraġġ kollu quddiem l-oħrajn ħalli huma wkoll jaslu biex jagħrfu lilek b’mod personali bħala l-Mulej u s-Salvatur u jikbru fl-għarfien tal-imħabba tiegħek.

Għażiża ommi Marija, għenni biex bħalek jiena nħalli l-Kelma t’Alla titnissel fija ħalli hu jkun iċ-ċentru ta’ dak li naħseb, ngħid u nagħmel. Ammen.