163. Riflessjoni fuq Luqa 6: 39-42

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 6: 39-42

Spiritual-Blindness

L-Evanġelju skont San Luqa 6: 39-42

[Lq:6:39] Ġesu qalilhom parabbola: “Jista’ agħma jmexxi agħma ieħor? Mhux it-tnejn jaqgħu fil-ħofra?

[Lq:6:40] Id-dixxiplu m’huwiex aqwa mill-imgħallem tiegħu; imma kull min itemm it-taħriġ tiegħu jsir bħall-imgħallem tiegħu.

[Lq:6:41] Għax tara t-tibna f’għajn ħuk, u ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int?

[Lq:6:42] Kif tista’ tgħidlu lil ħuk, ‘Ħi, ejja nneħħilek it-tibna li għandek f’għajnek’, meta m’intix tara t-travu li għandek f’għajnek int? Ja wiċċ b’ieħor, neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Kif jista’ wieħed jgħin lill-oħrajn jirbħu fuq il-ħtijiet tagħhom filwaqt li huwa stess hu agħma bl-istess ħtijietu?

Id-dixxiplu hu dak li jisma’ l-vuċi tal-Imgħallem u li jirbaħ fuq dnubietu permezz tal-għajnuna indispensabbli tat-Tabib Divin. Jekk għandna nkunu gwida u għalliema għall-oħrajn għandu jkollna viżjoni ċara ta’ fejn aħna stess sejrin u mappa li turina t-triq u d-direzzjoni. Jekk id-destinazzjoni tagħna hija l-ġenna, allura hemm biss triq waħda u din it-triq hija s-salib ta’ Ġesu’. Permezz ta’ dak li patta għalina Ġesu’ bis-salib tiegħu, aħna nistgħu nirċievu l-maħfra għal dnubietna mingħandu permezz tas-saċerdot fil-Qrar.

Bi qrara tajba l-midneb isir sħiħ. Id-dlam u l-korruzzjoni jagħtu wisgħa għad-dawl u l-verita’. Il-mewt hi mirbuħa u l-ħajja mġedda. Fil-Qrar Ġesu’ permezz tas-saċerdot jeħlisna mill-kundanna u mill-ħtija u jurina t-triq il-perfetta tal-imħabba.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ jgħidilna wkoll biex ma niġġudikawx. Alla biss għandu s-setgħa li jiġġudika u hu dejjem jagħtina ċans li nindmu qabel ma jkollu jiġġudikana fl-aħħar jum. Fir-realta’ l-ġudizzju tagħna tal-oħrajn huwa ħafna drabi żbaljat għaliex ma nistgħux naraw fil-ġewwieni tal-persuna jew ma għandniex il-fatti kollha jew għaliex niġu mkaxkra mill-istint u r-reazzjonijiet bla bażi raġjonevoli tan-nies. Huwa faċli ssib il-ħtija fl-oħrajn milli fik innifsek. Ġesu’ jpoġġilna prinċipju qaddis li għandna nfasslu ħajjitna fuqu li huwa: Dak li int tagħti lill-oħrajn u l-mod kif inti titrattahom jerġa’ jirritorna għandek. Bl-istess mod kif titratta tiġi ttrattat.

U inti tħares lejn it-tibna fl-oħrajn u tinsa t-travu tiegħek?

Itlob lil Alla biex jimla qalbek bl-istess imħabba u ħniena li biha jħobb hu biex fi mħabbtek għall-oħrajn int tagħti spazju għall-karita’ u l-mogħdrija lejn il-proxxmu tiegħek kollu.

Itlob …

Missier agħtina l-umilta’ li nirrealizzaw l-injoranza tagħna. Nammettu ħtijietna, nagħrfu li aħna fil-bżonn. Inkunu miftuħa għall-parir u naċċettaw twissija.

Għażiża Marija, omm tagħna tas-sema għallimna nagħrfu li jekk se niġġudikaw lill-oħrajn mhux se jkollna ċans li nfaħħruhom aktar milli nikkritikawhom. Mhux se jkollna ċans li nifhmuhom aktar milli niskuraġġuhom u mhux se jkollna ċans li nibnu aktar milli nħottu. Għenna Marija ħalli aħna nħobbu lil kulħadd bl-istess mod kif int u Ibnek tħobbu u titrattaw lilna midinbin. Ammen.