160. Riflessjoni fuq Luqa 5: 33-39

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 5: 33-39

wineskins-620x403

L-Evanġelju skont San Luqa 5: 33-39

[Lq:5:33] Fdak iż-żmien, il-Fariżej u l-Kittieba qalu lil Ġesu: “Id-dixxipli ta’ Ġwanni sikwit isumu u joqogħdu jitolbu, u dawk tal-Fariżej ukoll, imma tiegħek jieklu u jixorbu!”

[Lq:5:34] U Ġesù qalilhom: “Jaqaw tistgħu ġġagħlu lill-ħbieb ta’ l-għarus isumu sakemm l-għarus ikun għadu magħhom?

[Lq:5:35] Imma għad jasal iż-żmien meta l-għarus jeħduhulhom minn magħhom, u mbagħad isumu dakinhar.”

[Lq:5:36] Qalilhom ukoll parabbola: “Ħadd ma jaqta’ biċċa drapp minn libsa ġdida biex biha jraqqa’ waħda qadima, għax inkella mhux biss ikun qatta’ l-ġdida, imma anqas il-biċċa meħuda mill-ġdida ma tkun taqbel mal-qadima.

[Lq:5:37] Anqas ma jqiegħdu l-inbid il-ġdid f’damiġġani qodma tal-ġild, għax inkella l-inbid il-ġdid jifqa’ d-damiġġani, u jixtered hu u jintilfu d-damiġġani.

[Lq:5:38] Iżda nbid ġdid iqegħduh f’damiġġani ġodda.

[Lq:5:39] U ħadd ma jkun irid mill-inbid ġdid wara li jkun xorob mill-qadim, għax jgħidlek, ‘Il-qadim tajjeb!'”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Hemm żmien li ssum u żmien li tiffestaġġa u tiċċelebra. Li tkun dixxiplu u timxi ma’ Ġesu’ jfisser li tesperjenza l-ferħ ġdid tar-rabta tiegħek ma’ Kristu. Imqabbla mall-ferħ tat-tieġ fejn wieħed jieħu sehem u jaqsam fil-barka u l-ferħ tal-koppja li għadhom kemm ingħaqdu fi mħabbtihom.

Imma jiġi żmien ukoll meta d-dixxipli tal-Mulej ikollhom iġorru s-salib tat-tiġrib u l-purifikazzjoni. Għad-dixxiplu hemm iż-żmien fejn jifraħ fil-preżenza tal-Mulej u jiċċelebra t-tjieba tiegħu u hemm ukoll iż-żmien meta jfittex lill-Mulej b’umilta’, bis-sawm u b’sobgħa għal dnubietu.

Int tifraħ bil-preżenza tal-Mulej li hu dejjem miegħek? U tesprimi sobgħa u ndiema għal dnubietek?

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ jkompli jwissi lid-dixxipli dwar il-problema ta’ moħħ magħluq li jirrifjuta milli jitgħallem affarijiet ġodda. X’ried jimplika Ġesu’ bit-taqbila tal-ilbiesi u l-inbejjed ġodda li ma titrattahomx bħalma titratta dawk qodma? Hu jrid li l-moħħ u l-qalb tagħna ikunu bħal damiġġani ġodda tal-inbid miftuħa u lesti li jilqgħu l-inbid ġdid tal-Ispirtu s-Santu.

Int ħerqan biex tikber fl-għarfien u l-fehma tal-Kelma t’Alla u tal-pjan li huwa għandu għal ħajtek?

Itlob …

Mulej imlieni bl-Ispirtu Qaddis tiegħek ħalli nikber fl-għarfien tal-imħabba u l-verita’ tiegħek. Għenni nfittex bil-ħerqa lilek fit-talb u fis-sawm ħalli jien inżomm ‘il bogħod mid-dnub u nara li ħajti tkun taqbel aktar bis-sħiħ mar-rieda mqaddsa tiegħek. Agħmel li dejjem insib il-ferħ f’li nagħrfek, f’li nħobbok u f’li nservik. Ammen.