159. Riflessjoni fuq Luqa 5: 1-11

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 5: 1-11

unnamed

L-Evanġelju skont San Luqa 5: 1-11

[Lq:5:1] Il-kotra bdiet tross fuq Ġesu biex tisma’ l-kelma ta’ Alla. Hu kien qiegħed f’xatt l-għadira ta’ Ġennesaret.

[Lq:5:2] U ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu qegħdin jaħslu x-xbiek.

[Lq:5:3] Tela’ fuq waħda minnhom, li kienet ta’ Xmun, u talbu jaqla’ kemmxejn ‘il barra mill-art; mbagħad qagħad bilqiegħda u beda jgħallem lin-nies mid-dgħajsa.

 [Lq:5:4] Meta temm li kellu jgħid, qal lil Xmun: “Aqdef ‘il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd.”

[Lq:5:5] Wieġbu Xmun u qallu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek.”

[Lq:5:6] Hekk għamlu, u qabdu kotra hekk kbira ta’ ħut li x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam.

[Lq:5:7] Għalhekk għamlu sinjal lil sħabhom li kienu fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu jgħinuhom. Dawk ġew, u mlew iż-żewġ dgħajjes hekk li għal ftit ma għerqux.

[Lq:5:8] Xmun Pietru, kif ra dan, nxteħet f’riġlejn Ġesù u qallu: “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb.”

[Lq:5:9] Għax baqgħu tassew mistagħġba, kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu, għal dik il-qabda ħut li qabdu.

[Lq:5:10] U hekk ukoll ġralhom Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, li kienu sħab Xmun. Mbagħad Ġesù qal lil Xmun: “Tibżax; minn issa ‘l quddiem tkun taqbad in-nies.”

[Lq:5:11] Meta mbagħad ressqu d-dgħajjes ma’ l-art, telqu kollox u marru warajh.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Għaliex Ġesu’ wettaq il-Miraklu tal-qabda l-kbira tal-ħut?

Ġesu’ ried juża din l-okkażjoni biex jagħti tagħlima importanti lid-dixxipli. Minkejja li Xmun kien għajjien wara lejl jitħabat għalxejn xorta waħda kompla jikkumbatti għall-Kelma ta’ Ġesu’ infatti qallu: ‘La qiegħed tgħid int ħa nkala x-xbiek.’

Ħsieb għal Qalbek …

Meta tħabbat wiċċek ma’ diżappunti u fallimenti, inti tinsisti mall-Mulej bħal Xmun biex inti tisma’ l-Kelma tiegħu u tirċievi l-Kmand tiegħu?

Dan l-inċident jgħidilna verita’ importanti dwar kif Alla jaħdem fil-ħajja tagħna u permezz tal-ħajja tagħna fil-glorja tiegħu. Alla jistenna minna affarijiet akbar milli aħna nistgħu nagħmlu waħedna. Meta aħna nikkoperaw mall-ħidma tiegħu, aħna nwettqu ħafna aktar minn dak li nistgħu nagħmlu waħedna; anzi dak li f’għajnejna jidher impossibli.

Inti xhud veru tal-ferħ tal-Vanġelu ma’ dawk ta’ madwarek u titlob għall-ġirien tiegħek, għal sħabek tax-xogħol, għall-qraba ħalli huma wkoll isiru jafu lill-Mulej Ġesu’ u jikbru fil-għarfien tal-imħabba tiegħu?

Itlob …

Mulej imla lil qalbi bl-imħabba u l-mogħdrija għal dawk li ma jafukx jew li ma jimxux warajk. Agħmel li nkun xhud tajjeb tal-verita’ u s-salvazzjoni tiegħek għall-familjari, għall-ħbieb u għall-kolleggi tiegħi.

Marija ommi għażiża, għallimni int nkun dixxiplu tajjeb t’Ibnek fuq l-istess eżempju tiegħek li int d-dixxiplu perfett tiegħu. Ammen.