157. Riflessjoni fuq Luqa 4: 31-37

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 4: 31-37

an-evil-spirit-world-where-did-it-come-from

L-Evanġelju skont San Luqa 4: 31-37

[Lq:4:31] Niżel Kafarnahum, belt tal-Galilija, u f’jum is-Sibt qagħad jgħallem lin-nies,

[Lq:4:32] li baqgħu mistagħġba bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax id-diskors tiegħu kien ta’ wieħed li għandu s-setgħa.

[Lq:4:33] U kien hemm raġel fis-sinagoga li kellu fih spirtu ta’ xitan imniġġes, u qabad jgħajjat b’leħen għoli:

[Lq:4:34] “Ah! x’għandna x’naqsmu, Ġesù ta’ Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jiena naf min int: il-Qaddis ta’ Alla!”

[Lq:4:35] Imma Ġesù widdbu bis-sħiħ u qallu: “Iskot, u oħroġ minnu!” Mbagħad l-ispirtu xeħtu fin-nofs u ħareġ minnu bla ma għamillu ħsara.

[Lq:4:36] U kulħadd stagħġeb, u bdew jistaqsu wieħed lil ieħor u jgħidu: “Dan xi kliem hu? Għax hu jordna b’setgħa u qawwa lill-ispirti mniġġsa u huma joħorġu!”

[Lq:4:37] U l-fama tiegħu xterdet ma’ kullimkien f’dawk l-inħawi kollha.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti kif twieġeb għall-Kelma t’Alla tagħżel li tismaha b’sottomissjoni jew b’fidi ħajja u ubbidjenza?

Meta Ġesu’ kien jgħallem hu kien jitkellem b’awtorita’. Kien jitkellem il-Kelma t’Alla bħal ma’ ħadd qabel kien għamel. Meta r-rabbini ta’ żmienu kienu jgħallmu kienu jsaħħu l-istqarrijiet tagħhom bi kwotazzjonijiet minn awtorijiet oħra. Il-profeti tkellmu b’awtorita’ li biha qabadhom Alla u kienu jibdew id-diskors tagħhom bil-kliem: ‘Hekk jgħid il-Mulej.’ Imma meta Ġesu’ kien jitkellem ma kellux bżonn l-ebda awtorita’ biex isaħħaħ l-istqarrijiet tiegħu.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ kien l-awtorita’ inkarnata l-Kelma t’Alla li saret laħam. Meta kien jitkellem hu Alla nnifsu kien jitkellem. Meta kien jikkmanda saħansitra x-xjaten kienu jobdu. Jekk id-dimonji l-anġli mwaqqgħa kellhom fidi fl-Iben t’Alla, kemm aktar aħna għandna nemmnu fil-Vanġelu b’fidi ċerta f’moħħna u f’qalbna u nafdaw ħajjitna f’idejn il-Mulej Ġesu’?

Jekk aħna nersqu lejn il-Kelma t’Alla b’sottomissjoni lejha, b’ħeġġa biex inwettqu kul ma’ l-Mulej jixtieq aħna qegħdin f’pożizzjoni aħjar biex nitgħallmu dak li Alla jridna nitgħallmu permezz ta’ Kelmtu. Jekk nemmnu fih biss bla ma ngħixu skont kif jgħallimna hu nkunu wasalna biss fil-livell tax-xjaten, li jemmnu u jagħrfu f’Ġesu’ dak li hu l-Mulej imma jinsabu ndannati.

Int ħerqan biex titgħallem aktar dwar il-Mulej u tħallih jieħu kontroll tal-ħajja tiegħek u jkun is-Sid ta’ dak li taħseb, ta’ dak li tgħid u ta’ dak li tagħmel?

Itlob …

Mulej Kelmtek hi ħajja u qawwija, agħmel li jien qatt ma niddubita l-imħabba u l-ħniena tiegħek li ssalvani, li tfejjaqni, li ġġeddidni u tagħtini li ngħix liberu mid-dnub il-mejjet.

Għażiża Ommi Marija, inti li kont tisma’ l-Kelma t’Alla u tgħożżha u toqgħod taħseb fuqha. Għenni nsib ħin fil-ġurnata biex f’mument ta’ talb u meditazzjoni tal-Kelma t’Alla jiena nagħraf li għandi nbiddel il-mentalita’ fqira tiegħi mall-mentalita’ u l-mod kif jaħsibha Alla, biex nasal ngħix kif iridni hu tassew. Ammen.