150. Riflessjoni fuq Mattew 23: 23-26

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 23: 23-26

25.143852532567

L-Evanġelju skont San Mattew 23: 23-26

[Mt:23:23] “Ħażin għalikom, intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra! Intom tħallsu d-dieċmi fuq in-nagħniegħ u l-busbies u l-kemmun, u mbagħad tagħlqu għajnejkom għal dak li hu l-aqwa fil-Liġi, jiġifieri, il-ġustizzja u l-ħniena u s-sinċerità! Dawn kien imisskom tagħmlu, bla ma tħallu l-oħrajn barra,

[Mt:23:24] ja mexxejja għomja, li ma tħallux nemusa tgħaddi mill-passatur, biex mbagħad tibilgħu ġemel!

[Mt:23:25] “Ħażin għalikom, intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra! Intom tnaddfu t-tazza u l-platt minn barra, waqt li minn ġewwa jkunu mimlija bi frott is-serq u r-regħba!

[Mt:23:26] Fariżew agħma, it-tazza l-ewwel naddafha minn ġewwa, biex imbagħad tkun nadifa minn barra wkoll!

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Għaliex Ġesu’ wasal biex għajjar lill-Fariżej ipokriti wiċċ b’ieħor?

Il-kelma Ipokrita tfisser attur. Xi ħadd li jagħmel ‘show’ bih innifsu biex jiġbed l-attenzjoni fuqu. Dawn il-Fariżej minħabba l-istil ta’ ħajja li kienu jgħixu kienu jaħsbu li huma l-aqwa u l-aħjar u l-aktar nies tajba u li jixraqilhom il-qima. Kienu nies mill-aktar suppervi u jaraw lil kulħadd madwarhom bħala inferjuri għalihom. Ġesu’ uriehom li f’dak li kienu jagħmlu kienu qed jinsew dak li hu l-essenzjal bħal ġustizzja u l-imħabba t’Alla. Kienu wkoll tilfu l-viżjoni tagħhom dwar Alla u dwar l-iskop tal-liġi.

Ħsieb għal Qalbek …

Dawn il-Fariżej kienu jpoġġu fuq l-oħrajn toqol żejjed u ordnijiet imma jonqsu milli juruhom il-karita’ b’mod speċjali ma’ dawk li kienu dgħajfa u fqar. L-essenza tal-Kmandamenti t’Alla hi l-imħabba. L-imħabba lejn Alla u l-imħabba lejn il-proxxmu. Alla huwa mħabba u dak kollu li jagħmel joħroġ minn din l-istess imħabba li għandu għalina. L-imħabba titlob sagrifiċċju. Hi mħabba li tgħannaq u terfa’ t-toqol tal-oħrajn.

Inti tħalli din l-imħabba t’Alla titrasforma lil moħħok u lil qalbek?

Itlob …

Mulej imlieni bi mħabbtek u bil-ħeġġa għas-Saltna tiegħek. Agħmel li jien naġixxi bi ħniena, b’ġentilezza u b’ġustizzja fir-relazzjonijiet tiegħi mall-oħrajn u f’dak kollu li jiena nagħmel.

Marija Ommi, int li int ix-xempju tal-umilta’. Għallimni nilqa’ t-twissijiet t’Ibnek u nasal niedem mis-suppervja tiegħi u nistqarr li neħtieġ lil Alla biex jaħfirli u jurini kif għandi nikber fil-qdusija li hu jrid jara fija. Ammen.