147. Riflessjoni fuq Mattew 22: 34-40

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 22: 34-40

homily-

L-Evanġelju skont San Mattew 22: 34-40

[Mt:22:34] Il-Fariżej, meta semgħu kif lis-Sadduċej kien saddilhom ħalqhom, nġabru madwaru,

[Mt:22:35] u wieħed minnhom, għaref fil-Liġi, għamillu din il-mistoqsija biex iġarrbu:

[Mt:22:36] “Mgħallem, liema hu l-kmandament il-kbir, fil-Liġi?”

[Mt:22:37] Qallu Ġesù: “Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.’

[Mt:22:38] Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed.

[Mt:22:39] U it-tieni jixbhu: ‘Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.’

[Mt:22:40] Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-Liġi kollha u tal-Profeti.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’inhu l-iskop tal-liġi u l-Kmandamenti t’Alla?

Il-Fariżej kienu jiftaħru dwar l-għarfien li kellhom dwar il-liġi u r-ritwali tagħhom. Ħajjithom kollha kienu jiddedikawha għall-istudju tas-616 il-preċett tat-Testment il-qadim flimkien ma’ numru kbir ta’ kummentarji minn diversi għalliema. Huma għaddew lil Ġesu’ mill-prova biex jaraw jekk hu kienx tassew jifhem fil-liġi kif jifhmuha huma. Ġesu’ jissorprendihom bis-sempliċita’ profonda fir-risposta tiegħu li tixhed kemm kien midħla tal-liġi t’Alla u tal-iskop tagħha.

Ħsieb għal Qalbek …

Alla xi jrid minna?

Sempliċiment li nħobbu bħal ma’ jħobb hu. Alla huwa mħabba u kul ma jagħmel ħiereġ mill-imħabba tiegħu għalina. Alla ħabbna l-ewwel u l-imħabba tagħna lejh hi r-risposta għall-grazzi u l-ġenerożita’ tiegħu lejna li huma bla qies.

Li nħobbu lil Alla jiġi l-ewwel u li nħobbu lill-proxxmu għandu l-għeruq tiegħu fl-istess imħabba li aħna nagħtu lil Alla. Aktar ma nsiru nafu dwar l-imħabba u l-verita’ t’Alla, aktar insiru nħobbu dak li jħobb hu u nwarrbu dak li hu ta’ min jobgħodu u kuntrarju għar-rieda tiegħu. Xi jkabbar fina l-imħabba lejn Alla u lejn il-Kmandamenti tiegħu? Il-fidi fil-wegħdiet tiegħu. Din tqawwina fl-imħabba tagħna lejn Alla. Hija essenzjali għal relazzjoni tajba m’Alla u biex inkunu magħquda miegħu.

Inti tħalli xi ħaġa li żżommok ‘il bogħod mill-imħabba t’Alla u mill-ferħ li sservi lill-oħrajn b’qalb ġeneruża?

Itlob …

Mulej l-imħabba tiegħek tisboq kull imħabba oħra. Imla lil qalbi bi mħabbtek u kabbar fija l-fidi u t-tama fil-wegħdiet tiegħek. Għenni nagħti lili nnifsi f’servizz ġeneruż għall-oħrajn bħal ma’ Int ingħatajt b’ġenerożita’ bla limiti għalija.

Marija għenni nkun nixbaħ lilek fil-fidi u l-imħabba li kellek lejn Alla u lejn kulħadd. Ammen.