146. Riflessjoni fuq Mattew 22: 1-14

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 22: 1-14

khong-mac-y-phuc-le-cuoi-15.10.2017-chua-nhat-28-thuong-nien-a

L-Evanġelju skont San Mattew 22: 1-14

[Mt:22:1] Ġesù raġa’ qabad ikellimhom bil-parabboli u qalilhom:

[Mt:22:2] “Is-Saltna tas-smewwiet tixbah lil wieħed sultan li għamel festa għat-tieġ ta’ ibnu.

[Mt:22:3] U bagħat għall-mistednin mal-qaddejja tiegħu biex jiġu għall-festa; imma dawk ma ridux jiġu.

[Mt:22:4] U reġa’ bagħat qaddejja oħra, u qalilhom, ‘Għidu lill-mistednin: Ara, il-mejda tiegħi lesta; il-barrin u l-għoġiela msemmna diġà maqtula u kollox lest; ejjew għall-festa.’

[Mt:22:5] Iżda dawk ma tawx kas; min mar l-għalqa, min għan-negozju tiegħu,

[Mt:22:6] u l-bqija qabdu lill-qaddejja tas-sultan, żebilħuhom u qatluhom.

[Mt:22:7] Is-sultan inkorla ħafna, u bagħat is-suldati tiegħu, qered lil dawk il-qattiela, u ħarqilhom il-belt tagħhom.

[Mt:22:8] Mbagħad qal lill-qaddejja tiegħu, ‘Il-festa mħejjija, imma lil dawk ma kienx ta’ min jistedinhom għaliha.

[Mt:22:9] Mela morru f’salib it-toroq u sejjħu għall-festa lil kull min issibu.’

[Mt:22:10] Dawk il-qaddejja ħarġu fit-triqat u ġabru lil kull min sabu, ħżiena u tajba, u s-sala mtliet bin-nies għall-mejda.

[Mt:22:11] Mela jidħol is-sultan ħalli jara min kien hemm fuq il-mejda, u hemmhekk lemaħ wieħed li ma kienx liebes għall-festa tat-tieġ;

[Mt:22:12] u qallu, ‘Ħabib, dan kif dħalt hawn m’intix liebes għall-festa?’ Dak tbikkem.

[Mt:22:13] Mbagħad is-sultan qal lil dawk li kienu qegħdin iservu, ‘Orbtulu riġlejh u idejh u waddbuh ‘il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien!’

[Mt:22:14] Għax ħafna huma l-imsejjħin, imma ftit il-magħżulin.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’dawl jista’ jitfa’ dan it-tieġ tar-re fuq x’inhi s-Saltna t’Alla?

Waħda mill-isbaħ immaġini tal-ġenna li nsibu fl-Iskrittura hi propju l-festa b’ikel fin u ċ-ċelebrazzjoni ta-tieġ reali li ħejja r-re għal ibnu. Infatti fl-aħħar ktieb tal-Bibbja, il-ktieb tal-Apokalissi nsibu dawn il-kliem: “ L-Ispirtu u l-għarusa jgħidu: ‘ejja.’ ” f’kapitlu 22 vers 17. X’insult kbir għall-mistednin li jirrifjutaw l-istedina tar-re u poġġew l-interessi tagħhom qabel tiegħu. Ġesu’ hawn kien qed jagħti twissija lil Lhud li Alla stedinhom qabel kulħadd biex jaqsmu fl-istess ferħ tas-Saltna tiegħu. Għalhekk il-konsegwenza tat-traskuraġni tagħhom biex jilqgħu din l-aqwa stedina kienet tassew se sseħħ għal dawk li jibqgħu ma jagħtux qima lis-Sultan ta’ dejjem u lil Ibnu li huwa bagħat.

Ħsieb għal Qalbek …

It-tajbin u l-ħżiena li marru jiġbru mit-triq ċertament li jirreferu għall-pagani u l-midinbin. Din hi ċertament stedina ta’ grazzja li wieħed ma jistħoqqlux. Favur u ħniena li wieħed ma mmeritax imma din l-istedina ġġib magħha twissija għal dawk li jirrifjutawha jew li jippruvaw jidħu għall-festa tat-tieġ bla ma jkunu mħejjija sewwa.

Il-grazzja hi rigal mogħti għalina b’xejn minn għand Alla, imma huwa fih innifsu responsabbilta’ enormi. Alla jistieden lil kull wieħed u waħda minna għat-tieġ tiegħu ħalli aħna naqsmu fis-sebħ u fil-ferħ tiegħu.

Inti mħejji biex tiċċelebra fil-mejda b’ikel bnin tat-tieġ tal-Mulej?

Itlob …

Mulej ħallini nibqa’ ngħix dejjem għall-kenn tal-preżenza tiegħek u nikber fit-tama li għad narak wiċċ imb’wiċċ fis-Saltna tiegħek ta’ bla tmiem. Għażiża Marija, Omm ir-Re ta’ dejjem idħol għalija b’talbek u ħejjini bl-istess talbek biex meta jasal il-waqt jiena bħalek ikun jistħoqqli post fis-Saltna m’Ibnek fil-ġenna. Ammen.