145. Riflessjoni fuq Mattew 20: 1-16

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 20: 1-16

hqdefault

L-Evanġelju skont San Mattew 20: 1-16

[Mt:20:1] “Ara, is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed sid li ħareġ fil-għodu kmieni ħafna biex isib nies tax-xogħol u jħaddimhom fl-għalqa tiegħu tad-dwieli.

[Mt:20:2] Ftiehem ma’ xi ħaddiema b’dinar kull jum u bagħathom l-għalqa.

[Mt:20:3] Ħareġ ukoll madwar it-tielet siegħa, ra oħrajn qegħdin fil-pjazza, bla xogħol,

[Mt:20:4] u qalilhom, ‘Morru intom ukoll l-għalqa, u nagħtikom li jkun ħaqqkom.’ U marru.

[Mt:20:5] Raġa’ ħareġ għal xi s-sitt siegħa u mbagħad għal xi d-disgħa siegħa, u għamel l-istess.

[Mt:20:6] Għall-ħabta tal-ħdax-il siegħa raġa’ ħareġ u sab oħrajn qiegħda, u qalilhom, ‘Għaliex qegħdin hawn il-jum kollu ma tagħmlu xejn?’

[Mt:20:7] Qalulu, ‘Għax ħadd ma qabbadna.’ Qalilhom,’Morru intom ukoll l-għalqa.’

[Mt:20:8] Għal fil-għaxija mbagħad sid l-għalqa qal lill-prokuratur tiegħu, ‘Sejjaħ lill-ħaddiema u ħallashom, ibda minn dawk li ġew l-aħħar u spiċċa b’dawk ta’ l-ewwel.’

[Mt:20:9] Ġew dawk li daħlu għax-xogħol fil-ħdax-il siegħa u ħadu dinar kull wieħed.

[Mt:20:10] Ġew ta’ l-ewwel, u stennew li kienu se jirċievu iktar, iżda huma wkoll ħadu dinar kull wieħed.

[Mt:20:11] Huma u jitħallsu qabdu jgemgmu kontra s-sid

[Mt:20:12] u jgħidu, ‘Dawn ta’ l-aħħar siegħa waħda għamlu, u int qisthom bħalna li tgħabbejna bil-piż tal-jum u s-sħana!’

[Mt:20:13] Qabeż is-sid u qal lil wieħed minnhom, ‘Ħabib, minn xejn ma nqastek jien; mhux b’dinar ftehemt miegħi?

[Mt:20:14] Ħu li jmissek u itlaq. Lil dan ta’ l-aħħar irrid nagħtih daqs kemm tajt lilek.

[Mt:20:15] Ma nistax nagħmel li rrid bi ħwejġi jien? Jew qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba?’

[Mt:20:16] Hekk ta’ l-aħħar jiġu l-ewwel, u ta’ l-ewwel jiġu l-aħħar.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’jistgħu x-xogħol u l-paga jew dawk li m’għandhomx impjieg jgħidulna dwar is-Saltna t’Alla?

Fil-parabbola tal-ħaddiema fl-għalqa tad-dwieli naraw il-ġenerożita’ u l-ħniena straordinarja t’Alla. Il-qagħad hu traċedja. Fi żmien Ġesu’ l-ħaddiema li kienu jiġu mikrija kellhom jistennew kuljum fis-suq sakemm xi ħadd jagħtihom xi xogħol għal dak il-jum. Meta ma kienux jiġu mqabda jaħdmu kien ifisser li għal dak il-jum ma kienx se jkollhom ikel fuq il-mejda għalihom u għall-familja tagħhom. Il-ħaddiema li ħadmu ġurnata sħiħa u tħallsu gergru li s-Sid ħallas lil dawk li bdew jaħdmu wara nofsinhar bl-istess ammont daqskemm kienu tħallsu huma li ħadmu ġurnata sħiħa. Is-Sid bla dubju qabbadhom jaħdmu wara nofsinhar biex ma jmorrux lura d-dar bla paga u bil-ġuħ.

Ħsieb għal Qalbek …

Alla huwa ġeneruż f’li jiftaħ il-bibien tas-Saltna tiegħu għal kull min irid jidħol kemm dawk li ilhom għomor jaqduh kif ukoll dawk li jaslu l-aħħar siegħa. Filwaqt li l-ħlas hu l-istess il-mottiv għall-ħidma ta’ kull wieħed jista’ jagħmel id-differenza kollha. Uħud jaħdmu biss għall-ħlas. Jagħmlu l-almu tagħhom daqskemm jaħsbu fuq li se jirċievu lura minnu. Oħrajn jaħdmu minn qalbhom bil-ferħ u bl-imħabba għall-opportunita’ tax-xogħol li ngħataw. Il-Mulej isejjaħ lid-dixxipli tiegħu biex iservu lil Alla u lill-proxxmu b’ġenerożita’ u bil-ferħ.

Inti twettaq ix-xogħol u d-doveri tiegħek minn qalbek għall-imħabba t’Alla?

U tagħti minnek innifsek b’ġenerożita’ b’mod speċjali ma’ dawk li jinsabu fil-bżonn?

Itlob …

Mulej agħmel li nservi lilek u lill-proxxmu tiegħi b’qalb kbira bla ma nħares lejn kemm nista’ naqla’ għalija nnifsi, imma biss lejn kemm nista’ nagħti minni nnifsi għall-oħrajn. Ammen.