144. Riflessjoni fuq Mattew 19: 23-30

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 19: 23-30

fe56feac3218e10905a31e5d89214d86da_scaled_600

L-Evanġelju skont San Mattew 19: 23-30

[Mt:19:23] Mbagħad Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tassew ngħidilkom li l-għani se jsibha iebsa biex jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet!

[Mt:19:24] Iva, nerġa’ ngħidilkom, eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet.”

[Mt:19:25] Id-dixxipli stagħġbu ħafna meta semgħu dan, u qalu: “Mela min jista’ jsalva?”

[Mt:19:26] Ġesù ħares lejhom u qalilhom: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun; għal Alla kollox jista’ jkun.”

[Mt:19:27] Mbagħad qabeż Pietru u qallu: “Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk; issa x’se jmissna?”

[Mt:19:28] Ġesù qalilhom: “Tassew ngħidilkom, intom li ġejtu warajja, fid-dinja l-ġdida, meta Bin il-bniedem joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu, intom ukoll toqogħdu fuq tnax-il tron u tagħmlu ħaqq mit-tnax-il tribù ta’ Iżrael.

[Mt:19:29] U kull min iħalli ‘l daru jew ‘il ħutu jew ‘il missieru jew ‘l ommu jew ‘l uliedu jew ir-raba’ tiegħu minħabba f’ismi, jerġa’ jirċievi kollox għal mitt darba iktar, u jieħu b’sehmu l-ħajja ta’ dejjem.

[Mt:19:30] U ħafna li huma ta’ l-ewwel jiġu l-aħħar, u ta’ l-aħħar jiġu l-ewwel.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Ġesu’ kien propju kontra li jkollok il-ġid materjali? U għaliex jidher li fil-punt li jqajjem illum donnu għandu twissija qawwija kontra min hu sinjur u anke kontra dawk li jixtiequ li jkunu sinjuri?

Nafu li Ġesu’ ma kienx kontra l-għana fih innifsu u lanqas kien kontra min kien sinjur. Kellu bosta ħbieb li kienu sinjuri inkluż dawk li kienu jiġbru t-taxxi. Wieħed minnhom sar anke appostlu. Ġesu’ kien qed jalludi għall-għerf tat-Testment il-qadim li nsibu fil-ktieb tal-Proverbji kapitlu 28 vers 6. “ Aħjar il-fqir li jgħix bla ħtija mill-għani li jimxi fit-tgħawwiġ.”  L-istess tip ta’ għerf insibuh fis-salmi.

Ġesu’ jidher li qed jgħid li hu kważi impossibli għas-sinjuri li jgħixu bħala ċittadini tas-Saltna t’Alla. Il-ġemel kien ikkunsidrat bħala l-akbar annimal fil-Palestina. L-għajn tal-labra setgħet tiġi interpretata letteralment jew setgħet b’mod figurattiv tiddeskrivi passaġġ dejjaq fil-ħitan tal-belt li kien użat mill-vjaġġaturi meta l-passaġġ il-kbir li kien hemm għall-pubbliku kien jiġi msakkar meta jidlam.

Ħsieb għal Qalbek …

Għaliex Ġesu’ ried jagħmel tant enfasi fuq il-periklu ta’ min jgħix fil-għana? Dan il-ġid jista’ jagħmilna niddependu fuqu b’mod żbaljat. Il-għana jista’ wkoll iwassalna għal xewqat ħżiena u egoistiċi.

Ġesu’ fuq dan il-punt jagħtina l-parabbola tal-għani u ħutu li kienu sinjuri u Lażżru. Għax ma qdiex lil Alla u għax kien xħiħ u ma qasamx ġidu mal-fqir Lażżru, spiċċa fl-infern. Din insibuha fl-Evanġelju ta’ San Luqa kapitlu 16 vers 19.

Ġesu’ joffrilna teżor li ma jista’ jiġi kkumparat mall-ebda ħaġa ta’ din id-dinja u li la l-flus ma jistgħu jixtru u lanqas il-ħallelin ma jistgħu jisirqu. Qalbna mistiedna tintrabat ma’ dan l-aqwa teżor. Il-ġid materjali jista’ jxekkilna f’din id-dinja dement li ma npoġġux l-għassa fuq qlubna u norbtu qalbna biss mat-teżor veru li hu Alla u s-Saltna tiegħu.

U inti fejn qed tpoġġi t-teżor tiegħek? Fejn tinsab qalbek?

Itlob …

Mulej int sraqtilna qalbna u ftaħtilna t-teżori tas-sema. Kun int biss Mulej it-teżor u l-għaxqa tiegħi u tħalli xejn xi jżommni milli nagħtik kollox kul ma għandi u kul ma jien kif fuq kollox għamilt int stess miegħi li sirt fqir għalija biex jiena nsir sinjur bil-għana tiegħek. Ammen.