141. Riflessjoni fuq Mattew 19: 3-12

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 19: 3-12

Brooklyn_Museum_-_The_Pharisees_Question_Jesus_James_Tissot

L-Evanġelju skont San Mattew 19: 3-12

[Mt:19:3] U resqu fuqu xi Fariżej biex iġarrbuh, u qalulu: “Jista’ wieħed jitlaq lil martu fuq xi ħaġa, tkun xi tkun?”

[Mt:19:4] Iżda hu qalilhom: “Ma qrajtux li sa mill-bidu l-Ħallieq għamilhom raġel u mara,

[Mt:19:5] u qal, ‘Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u ‘l ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed’.

[Mt:19:6] Għalhekk m’humiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem.”

[Mt:19:7] Qalulu: “Mela allura għaliex ordna Mosè li żewġha jagħtiha l-kitba tad-divorzju u jibgħatha?”

[Mt:19:8] Qalilhom: “Kien minħabba l-ebusija ta’ qalbkom li Mosè takom il-permess tibagħtu n-nisa tagħkom. Iżda ma kienx hekk mill-bidu.

[Mt:19:9] U ngħidilkom, li min jibgħat lil martu – barra l-każ ta’ żwieġ ħażin – u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta’ adulterju.”

[Mt:19:10] Qalulu d-dixxipli: “Mela ladarba din hi l-kondizzjoni tar-raġel mal-mara, ma jaqbilx li wieħed jiżżewweġ.”

[Mt:19:11] Iżda hu qalilhom: “Mhux kulħadd jifhimha din il-ħaġa, imma dawk li lilhom jingħata li jifhmuha.

[Mt:19:12] Hemm ewnuki li jitwieldu hekk minn ġuf ommhom, oħrajn jagħmluhom hekk in-nies, u hemm oħrajn li jsiru hekk minn rajhom minħabba s-Saltna tas-Smewwiet. Min jista’ jifhem, jifhem.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’inhi l-intenzjoni t’Alla għall-istat tal-ħajja tagħna? Kemm jekk miżżewġin kif ukoll jekk mhux miżżewġin?

Ġesu’ jitratta t-tema tad-divorzju billi jieħu l-isemmija tiegħu lura għall-bidu tal-Ħolqien u għall-pjan t’Alla għalina l-bnedmin. Fil-ktieb tal-Ġenesi kapitlu 2 versi minn 23 sa 24 naraw l-intenzjoni u l-ideal t’Alla li żewġ persuni li jiżżewwġu għandhom isiru tant magħqudin bejniethom b’rabta li ma tinħallx li jsiru ġisem wieħed. Dan l-ideal insibuh f’Adam u Eva. Huma ġew maħluqa għal xulxin u għal ħadd aktar. Huma l-mudell u s-simbolu għal dawk kollha li kellhom jiġu warajhom.  Ġesu’ jispjega li Mosè ppermetta d-divorzju b’turija lill-poplu li tilef dak li kien minn dejjem l-ideal. Ġesu’ jgħolli ‘l fuq l-ideal ta’ stat ta’ żwieġ quddiem dawk li huma lesti li jilqgħu u jaċċettaw l-Kmandamenti tiegħu. Bl-istess mod Ġesu’ jpoġġi ideal għoli għal dawk li b’mod liberu jirrinunzjaw għall-istat ta’ żwieġ għas-Saltna tas-sema.

Ħsieb għal Qalbek …

Kemm dawk li jiżżewġu kif ukoll dawk li ma jiżżewġux u jgħixu għas-servizz aktar mill-qrib tas-Saltna t’Alla b’mod speċjali fil-ħajja kkonsagrata bħala qassisin, patrijiet, sorijiet u lajċi kkonsagrati għandhom sejħa individwali minn Alla u kollha huma għall-glorja t’Alla. Il-ħajja tagħna fir-realta’ mhjix tagħna, imma t’Alla. Hu jagħti l-grazzja u l-qawwa lil dawk li jfittxu li jimxu fit-triq tal-qdusija tiegħu fl-istat tal-ħajja tagħhom.

Tfittex għajnuna minn għand il-bnedmin t’Alla biex tagħraf aħjar x’sejħa għandu għalik?

Jew jekk diġa’ qed tgħix din is-sejħa tfittex għajnuna biex tgħixha bl-aħjar mod u bil-qdusija li jrid jara fik Alla?

Iżomm lil xi saċerdot bħala direttur spiritwali tiegħek biex miegħu tiskopri dejjem iżjed kif tgħix il-pjan tal-imħabba li Alla fassal għalik?

Itlob …

Mulej Ġesu’ s-sejħa tiegħek biex inkunu qaddisin tiġbor fiha kull stat ta’ ħajja. Qaddes il-ħajjiet tagħna bħala miżżewġin jew mhux ħalli aħna nkunu nistgħu ngħixu bħala rġiel u nisa li huma kkonsagrati lilek. Agħmel li aħna mhux biss ngħixu u nagħtu xhieda tajba fit-twettiq tal-istat tal-ħajja li ngħixu, imma wkoll li nippromovu ż-żwieġ jew il-ħajja kkonsagrata bħala dik li wieħed jibqa’ fiha b’fedelta’ sal-aħħar ta’ ħajtu hekk kif urejtna int li għandu jkun bit-tgħallim u bl-eżempju ta’ ħajtek. Ammen.