134. Riflessjoni fuq Mattew 16: 24-28

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 16: 24-28

carry-cross-600x350

L-Evanġelju skont San Mattew 16: 24-28

[Mt:16:24] Mbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja.

[Mt:16:25] Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha.

[Mt:16:26] Għax xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? Jew xi prezz se jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu?

[Mt:16:27] Għax Bin il-bniedem għandu jiġi fil-glorja ta’ Missieru flimkien ma’ l-anġli tiegħu, u mbagħad irodd lil kull wieħed skond ma wieħed ikun għamel.

[Mt:16:28] Tassew, ngħidilkom, li hawn xi wħud minn dawk li qegħdin hawn, li ma jġarrbux il-mewt qabel ma jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-Saltna tiegħu.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’inhu l-aktar investiment importanti li inti tista’ tagħmel b’ħajtek?

Ġesu’ qed jiftħilna għajnejna u jurina nilmħu ċar li la l-flus u lanqas l-affarijiet materjali kollha li aħna nsejħu tagħna ma jistgħu jixtru l-ġenna, ifejqu qalb maqsuma, jew ifarrġu lil xi ħadd li qed iħossu waħdu.

Ġesu’ qed jistaqsi: “Xi prezz se jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu?”

Kull ma għandna hu mogħti lilna bħala Rigal mingħand Alla Missierna. Aħna nafu kollox lilu, inkluż ħajjitna stess.

Ħsieb għal Qalbek …

Dixxiplu veru hu lest li jħalli kollox warajh u li ma jħallix li qalbu tintrabat ma’ dak li huwa materjali, imma jżomm ruħu ħieles biex hekk ikun jista’ jikseb il-ferħ tal-Ħajja m’Alla li ma tintemm qatt. Is-Salib ta’ Kristu jwassal għar-rebħa u l-ħelsien mid-dnub u l-mewt.

Liema hu s-Salib li Ġesu’ qed jikkmandak biex terfa’ u ġġorr ta’ kuljum?

Meta r-rieda tiegħi ma tidhirx li taqbel ma’ dik tal-Mulej, hi tal-Mulej li għandha sseħħ.

Int lest titlef kollox għal Ġesu’ Kristu biex tikseb kollox ma’ Ġesu’ Kristu?

Itlob …

Ħu Mulej u ilqa’ l-liberta’ tiegħi kollha, il-memorja tiegħi, id-dehen tiegħi u r-rieda kollha tiegħi. Kull ma’ għandi u kull ma hu tiegħi dan kollu Int tajtuli. Lilek Mulej inroddu. Kollox hu Tiegħek, agħmel minnu għal kollox kif trid Int. Lili, agħtini mħabbtek u l-grazzja Tiegħek din biżżejjed għalija. Ammen.