129. Riflessjoni fuq Mattew 14: 1-12

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 14: 1-12

Mt 14,1-12 g

L-Evanġelju skont San Mattew 14: 1-12

[Mt:14:1] Kien dik il-ħabta li Erodi t-tetrarka sama’ bil-fama ta’ Ġesù,

[Mt:14:2] u lill-qaddejja tiegħu qalilhom: “Dan Ġwanni l-Battista! Iva, hu, qam mill-imwiet! U minħabba f’hekk il-qawwa tal-mirakli qiegħda taħdem fih!”

[Mt:14:3] Għax Erodi kien arresta lil Ġwanni, u qaflu l-ħabs u ħallieh hemm minħabba Erodja, mart ħuh Filippu.

[Mt:14:4] Għax Ġwanni kien jgħidlu: “Inti lil dik ma tistax iżżommha.”

[Mt:14:5] Ried kieku joqtlu, imma kien jibża’ min-nies, għax kienu jżommuh bi profeta.

[Mt:14:6] Mela wasal jum li fih Erodi għalaq sninu, u bint Erodja ħarġet fin-nofs tiżfen, u għoġbot lil Erodi;

[Mt:14:7] għalhekk wegħedha taħt ġurament li jagħtiha kull ma titolbu.

[Mt:14:8] U hi, mogħwija minn ommha, qaltlu: “Agħtini issa stess ras Ġwanni l-Battista fuq platt.”

[Mt:14:9] Is-sultan tnikket, iżda minħabba l-ġurament li ħa u l-mistednin tiegħu ordna li tingħatalha.

[Mt:14:10] U bagħat jaqta’ ras Ġwanni fil-ħabs.

[Mt:14:11] U ġiebu rasu fuq platt u tawha lit-tfajla, u din ħaditha lil ommha.

[Mt:14:12] Mbagħad id-dixxipli tiegħu ġew, ħadu l-ġisem tiegħu u difnuh, u marru jagħtu l-aħbar lil Ġesù.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’ħeġġeġ il-kuraġġ u ż-żelu tal-martri?

Huma ħabbew lil Alla u l-verita’ tiegħu aktar minn ħajjithom stess. Biex wieħed jagħti xhieda għall-verita’ b’mod speċjali dik tal-Vanġelu ħafna drabi jrid iħallas prezz għoli. Ejja nieħdu l-profeti, kollha sofrew abbużi u ħafna minnhom ġew maqtula.

Erodi minkejja li donnu ma kienx ċert għandux joqtol lil Ġwanni jew le kien bniedem li kellu l-kuxjenza tniggżu. Meta sema’ bil-fama ta’ Ġesu’ hu ssapona li Ġwanni l-Battista li hu kien qatgħalu rasu kien reġa’ qam mill-imwiet.

Ħsieb għal Qalbek …

Sfortunatament għal Erodi ma rrnexxielux jeħles mid-dnub billi ħeles mir-raġel li kien jakkużah bl-istess dnub. Erodi kien raġel dgħajjef. Hu kien jieħu deċiżżjonijiet qawwija fuq affarijiet ħżiena meta fl-istess waqt kien jaf x’inhu t-tajjeb. Din it-tip t’attitudni kienet turi dgħjufija u kemm kien beżżiegħ.

Inti lest li tixhed għal Ġesu’ u għall-verita’ u s-sewwa tiegħu, minkejja li dan ifisser jew oppożizzjoni minn dawk ta’ madwarek jew li jkollok tħalli xi dnub għażiż għalik u titgħallem tgħix mingħajru?

Kemm -il darba l-Mulej ġibidlek l-attenzjoni fuq id-dnub tiegħek permezz tal-profeti li hemm fostok illum, u inti forsi ħassejt il-kuxjenza tniggżek imma ma għamilt xejn dwarha?

Għasfur marbut b’ħabel jew b’ħajta xorta waħda mhux ħieles biex ittir. Bl-istess mod jekk wieħed jibqa’ jgħix fid-dnub bla ma jfittex li jinħall minnu dan id-dnub kbir jew żgħir se jibqa’ jżommu lsir.

Itlob …

Mulej, agħtini kuxjenza sensittiva u qawwija ħalli nkun nista’ nagħraf il-ħażen għal dak li hu u nindem mill-mod kif offendejtek. Għinni nagħżel dak li hu tajjeb u nwarrab il-ħażin li hu kuntrarju għar-rieda mqaddsa tiegħek u għenni naħdem għall-qdusija tiegħi u tal-oħrajn ħalli nkun nogħġbok f’kollox. Ammen.